Mill-1 ta’ Jannar tal-2020 sas-17 ta’ Novembru ta’ din is-sena saru 34,048 test tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan. Dawn il-figuri ġew ippreżentati fil-Parlament mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia wara li saritlu Mistoqsija Parlamentari mid-Deputata Nazzjonalista Rebekah Borg.
Il-Ministru Farrugia qal li fl-2000 kien hemm 8,077 persuna li telgħu għat-test tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan għall-ewwel darba. Minnhom 4,989 għaddew mill-ewwel filwaqt li 3,088 ma rnexxilhomx jgħaddu mal-ewwel test.
Is-sena ta’ wara – 2021- telgħu għall-ewwel darba għat-test tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan 10,479 persuna li minnhom 6,872 għaddew mill-ewwel, filwaqt li 3,607 ma għaddewx mal-ewwel tentattiv.
Jekk wieħed jara n-numri għas-sena li għaddiet, kien hemm 8,565 telgħu għall-ewwel darba, li minnhom 5,328 għaddew mill-ewwel, filwaqt li 3,237 ma għaddewx mal-ewwel tentattiv.
Dan filwaqt li mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena sas-17 ta’ Novembru li għadda 6,927 telgħu għall-ewwel darba, li minnhom 5,361 għaddew mill-ewwel, filwaqt li 1,566 ma għaddewx mal-ewwel tentattiv.
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg staqsiet ukoll lil Ministru Aaron Farrugia kemm minn dawn il-persuna kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin.
Għal din il-mistoqsija l-Ministru Farrugia qal li minn figuri li għandha Transport Malta jirriżulta li fl-2020 kien hemm 4,853 persuna Maltin li għamlu t-test tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan filwaqt li 3,224 kienu barranin.
Għas-sena 2021 kien hemm 6,321 Maltin u 4,158 barranin u fl-2022 kien hemm 4,718 Maltin u 3,847 barranin.
Mill-1 ta’ Jannar sas-17 ta’ Novembru li għadda kien hemm 3,301 persuna Maltija li għamlu t-test tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan filwaqt li kien hemm 3,626 ta’ nazzjonalista barranija.