Madwar 1,000 pumpier, megħjuna minn sitt ajruplani tat-tifi tan-nar, komplew jikkumbattu n-nirien li qed jaħkmu fil-Lbiċ ta’ Franza, liema nirien diġà qerdu kważi 4,000 ettaru ta’ art.
L-awtoritajiet lokali ta’ Gironde – iż-żona fejn in-nirien li żvolġew nhar it-Tlieta qed jaħkmu bl-iktar intensità – qalu li s-sitwazzjoni għandha mhix taħt kontroll iżda qalu li fortunatament ħadd ma tilef ħajtu kawża tagħhom.
Fil-ġimgħat li għaddew Franza kellha tikkumbatti numru ta’ nirien oħrajn u dan hekk kif bħall-bqija tal-Ewropa dan il-pajjiż qiegħed jesperjenza mewġiet kbar ta’ sħana. Gerland Darmanin, li huwa l-Ministru tal-Intern Franċiż, qal li s-sitwazzjoni matul din is-sena hija waħda serja ħafna u dan hekk kif s’issa diġà kien hemm 15,000 ettaru ta’ art li nqerdu f’każi differenti ta’ nirien. Dan huwa numru allarmanti meta wieħed jara li s-sena li għaddiet Franza tilfet biss 1,000 ettaru f’nirien.
Intant fl-aħħar sigħat madwar l-Ewropa kienu rrapportati wkoll każijiet ta’ nirien ġewwa l-Portugall u anke Spanja fejn dawn xekklu ħafna l-attività turistika u qerdu ammonti kbar ta’ art.
Din il-parti tal-Ewropa qiegħda tesperjenza sħana tremenda tant li f’xi waqtiet it-temperatura laħħqet il-45oC.