Friday, July 26, 2024

“Figura ġganteska fl-għerf legali u fl-irġulija tagħha” 

Il-Parlament isellem il-memorja tal-eks Imħallef Philip Sciberras

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva lill-eks Imħallef u eks Deputat Philip Sciberras, li ħalla din id-dinja nhar it-2 ta’ Ottubru li għadda, bħala persuna “ġganteska” mhux biss fl-għerf legali imma anke fl-irġulija tiegħu.

Fil-ħin tal-kondoljanzi fil-Parlament, il-Prim Ministru fakkar il-memorja tal-eks Imħallef fejn qal li l-ewwel darba li ltaqa’ miegħu kien f’seduta tal-bord tal-qbiela, u dak iż-żmien kien għadu jipprattika l-professjoni ta’ avukat.

Qal li l-liġi tal-qbiela kien jafha fuq ponot subajgħ, u li fih kien josserva tliet kwalitajiet partikolari – ir-rispett tiegħu lejn l-avversarji, l-għarfien legali li kellu u kemm kien bniedem li jaf in-nies tat-triq. 

Il-Prim Ministru sostna wkoll li lill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras aktar jafu bħala Mħallef milli avukat. Semma l-effiċjenza tiegħu li konsistentement, kemm dam ġudikant, kien jagħti sentenzi b’mod regolari tant li ma ħalliex kawżi pendenti meta rtira.

Dr Abela qal ukoll li f’diskursata li kellu riċentament, ra fih sens ta’ ottimiżmu, għalkemm kien jaf il-marda fejn kienet se tieħdu. “Qed nitkellem fuq bniedem kbir li kelli l-opportunità li ngħix miegħu diversi episodji,” tenna l-Prim Ministru.

Temm jgħid li m’hemmx dubju li l-professjoni tilfet membru denju tagħha. “It-telfa tal-familja hi enormi, però l-memorji tiegħu se jibqgħu jgħixu fil-pubblikazzjonijiet tiegħu. Philip Sciberras il-poeta, il-politiku, l-Avukat, l-Imħallef, però fuq kollox raġel u ġentlom.”

“L-għarfien u l-pariri tiegħu se jservu bħala teżor li se jibqa’ jitgawda fil-ġenerazzjonijiet preżenti u fil-ġejjieni”

Bernard Grech

“Kien politiku imma l-ikbar kontribut tiegħu bħala Imħallef. Sentenza tiegħu kienet sentenza li se tħalli timbru u effett fuq il-mod ta’ kif tiġi prattikata l-liġi”. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech filwaqt li ngħaqad mal-gvern biex isellem lill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras. 

Grech għamel enfasi fuq il-publikazzjonijiet letterarji u legali tiegħu b’minjiera ta’ informazzjoni u għarfien partikolarment fil-liġi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għas-sarkażmu li kellu Sciberras li b’kelmtejn kien jidħaklek u tinduna li kien ikun tak daqqtejn għax il-kapaċitajiet tiegħu kienu msejsa mir-riċerka u kliemu kien meqjus.

“Id-dettalL u espressjoni tiegħu kienu jiddistingwuh”

Anġlu Farrugia

Min-naħa tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal dwar kif meta mar fuqu jgħidlu li kien se jibda jipprattika bħala avukat għal rasu kien għamillu l-akbar kuraġġ u tah parir li baqa’ jgħożż. Huwa qal li Sciberras kien għamillu kuraġġ biex ma jibżax jidħol għal ġuri u qal li tliet xhur biss wara li tkellmu kien ħa l-ewwel wieħed. 

L-Ispeaker qal li hu kien isegwih minn qabel għax kien jinteressah id-dettall u l-espressjoni tiegħu li kienet tgħinu biex fost l-oħrajn b’battuti li kien kapaċi jagħmel kont tagħraf kemm kienu jkunu flokhom.

Ekonomija

Sport