Friday, May 31, 2024

Karol Aquilina jsostni li l-Avukat Ġenerali spiċċa żmienha u għandha tirreżenja

Aqra wkoll

“L-Avukat Ġenerali ma tistax tibqa’ tinħeba aktar. Trid tibda tispjega pubblikament. Hi għandha l-indipendenza mhux biex tagħmel li jfettlilha iżda biex tieħu d-deċiżjoni mingħajr indħil”. Iddikjara dan il-kelliem għall-ġustizzja f’isem l-Oppożizzjoni Karol Aquilina waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali.

Aquilina qal li hu jemmen li spiċċa żmienha u għalhekk Victoria Buttigieg għandha tirreżenja biex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jerġa jieħu r-ruħ biex f’pajjiżna jerġa’ jkellna servizz professjonali u adekwat ta’ prosekuzzjoni u li jkun hemm Avukat Ġenerali li jieħdu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu mingħajr ebda indħil.

Filwaqt li rrefera għal każ partikolari li jinkludi l-aħwa George u Alfred Degiorgio, Aquilina rrefera għalihom bħala “kriminali ppatentjati” li qegħdin il-ħabs jiskontaw mal-44 sena ħabs kull wieħed. Huwa rrefera għal avukat li kien jaħdem bħala prosekutur f’isem l-Avukat Ġenerali u li wara li spiċċa minn dan l-irwol mar jaħdem fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin u dan jaħdem disa’ xhur bħala avukat. Huwa qal li dan l-avukat qasam minn naħa għall-oħra biex spiċċa jiddefendi lil dawk li ftit qabel kien jipprosekwixxi kontrihom. Huwa rrefera għal każ b’ċirkostanzi simili li jmur lura tliet snin fejn kienet inħatret inkjesta u l-konklużjoni kienet li ma kienx hemm biżżejjed salvagwardji fil-kodiċi tal-etika biex dawn is-sitwazzjonijiet ma jerġgħux iseħħu. Huwa sostna li xi ħadd li jaħdem f’kariga bħalma huwa avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jemmen li hija xi ħaġa ovja li m’għandux ikun hawn kontroversja dwarha u li r-regola bla ebda dubju għandha tkun li ma jkunx hemm din ix-xaqliba fl-irwol.

Sport