Thursday, December 26, 2024

Fil-jiem li ġejjin se jsir eżerċizzju għal tsunami f’Malta

Aqra wkoll

Fis-7 ta’ Novembru 2023 bejn it-8:00 u nofsinhar, ħa jsir eżerċizzju għal tsunami f’Malta. L-għan ta’ dan l- eżerċizzju huwa li jevalwa l-pjanijiet lokali ta’ rispons għat-tsunami, u jtejjeb l-għarfien u l-koordinazzjoni fil- komunità kollha.

Dan qalitu l-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta fi stqarrija, fejn qalet li dan l-eżerċizzju importanti se jittestja l-proċeduri attwali tas-Sistema ta’ Twissija ta’ Tsunami fir-reġjun tal-Mediterran, kif ukoll fil-livell ta’ komunità lokali, inklużi l-protokolli ta’ komunikazzjoni. L-eżerċizzju, imsejjaħ NEAMWAVE23, ser isir taħt l-awspiċi tal-IOC-UNESCO, u se jissimula Tsunami minn terremot kbir fittizju taħt il-baħar fil-Lvant tal-Mediterran.

L-eżerċizzju se jkun ikkoordinat mid- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi, l-Università ta’ Malta. Il-messaġġi ta’ allerta se jixxandru mit-Tsunami Service Provider ġewwa Ruma u jaslu għand id-DPĊ minn fejn jiġu kkomunikati lill-entitajiet kollha permezz tal-protokolli standard. Eżerċizzju fuq skala żgħira fuq il-post se jinvolvi l-evakwazzjoni u t-trasport sikur ta’ grupp ta’ tfal tal-iskola, u d-daqq ta’ sireni.

Eżerċizzju simili, NEAMWAVE21, sar f’Marzu 2021, filwaqt li f’Marsaxlokk kien sar eżerċizzju ta’ evakwazzjoni fuq skala sħiħa f’Novembru 2021. F’Malta, NEAMWAVE23 ser jintegra mal-proġett CoastWAVE, li huwa kkoordinat mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi, l-Università ta’ Malta. F’dan il-proġett, numru ta’ komunitajiet Mediterranji, fosthom Marsaxlokk, qed jitħejjew biex jiġu ċċertifikati bħala Tsunami Ready.

Il-Baħar Mediterran inħakem minn tsunami diversi drabi matul is-seklu li għadda, fosthom fl-1908 (Messina), fl- 1956 (il-Greċja), fl-2003 (l-Alġerija) u fl-2017 (il-Greċja). Dan ifakkarna fil-ħtieġa urġenti li nkunu aktar ippreparati għal avvenimenti bħal dawn.

Jekk ikun hemm xi theddida reali ta’ tsunami matul il-perjodu ta’ żmien tal-eżerċizzju, l-eżerċizzju jintemm. Għal aktar informazzjoni dwar l-Eżerċizzju tat-Tsunami NEAMWave23, segwi l-link https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000386156

Ekonomija

Sport