Thursday, December 26, 2024

Fil-Jum Ewropew għall-Produzzjoni Organika: Intrapriża ġdida ċċertifikata li tipproduċi b’mod organiku

Aqra wkoll

Il-Jum Ewropew għall-Produzzjoni Organika, li dis-sena qed jiġi ċċelebrat għat-tieni darba minn mindu twaqqaf, huwa okkażjoni sabiex l-Ewropa tiċċelebra s-settur organiku u tevalwa xi progress sar fil-mixja lejn il-mira li sas-sena 2030, 25% tar-raba jkun iċċertifikat bħala organiku. Ir-raġuni għala l-ġurnata magħżula għal din l-okkażjoni hija t-23 ta’ Settembru hija marbuta mal-fatt li dan huwa ż-żmien meta jaqleb l-istaġun, u jfakkarna fil-bilanċ bejn il-jum u l-lejl, l-istess bilanċ li rridu nsibu meta naħdmu id f’id man-natura.

Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo għamel żjara ġewwa intrapriża ġdida li tinsab Delimara, u li tinkludi razzett iċċertifikat li hu organiku, Ċiromblu Farm, u ħanut li minnu jinbiegħu prodotti organiċi. Għal din iż-żjara, il-Ministru Refalo kien akkumpanjat mis-Sinjura Sonya Sammut li f’Mejju li għadda ġiet maħtura bħala Ambaxxatriċi għall-Ikel Organiku u Sostenibbli għal Malta.

Il-Ministru Refalo tkellem dwar il-ħidma tal-Ministeru tiegħu f’dan il-qasam minn Marzu tas-sena l-oħra, meta l-Kummissjoni nediet il-Komunikat dwar l-azzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika. Huwa spjega kif permezz tal-irwol tagħha ta’ Ambaxxatriċi, is-Sinjura Sammut qiegħda tikkoordina x-xogħol meħtieg biex jiġi żviluppat l-ewwel Pjan t’Azzjoni Nazzjonali għall-Produzzjoni Organika.

Il-Ministru Refalo kompla jispjega kif għaddejja ħidma biex dan il-Pjan Nazzjonali jkun jista’ jservi bħala bażi soda għat-twettiq ta’ numru ta’ miżuri mmirati biex tkompli sseħħ il-bidla lejn sistemi organiċi. Fost il-miżuri li qed jiġu meqjusa biex jagħtu sostenn lill-produtturi u jinċentivaw in-negozju u l-intrapriża f’dan il-qasam, wieħed isib l-għajnuna finanzjarja permezz tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrarja Komuni, tisħiħ tas-servizzi tekniċi, proġetti ta’ kollaborazzjoni bejn operaturi fil-katina għal skop ta’ proċessar, skemi ta’ kwalità mmirati lejn stabilimenti tal-ikel, introduzzjoni tal-kunċett tal-‘biotrails’ u ‘biodistricts’, fejn ikollok żoni li jgħaqqdu u jesponu ikel organiku, u riċerka dwar il-perċezzjoni kemm tal-konsumatur kif ukoll tal-produttur lejn il-prodott organiku u l-benefiċċji li jġib. 

Dawk kollha li jixtiequ jwasslu xi suġġerimenti dwar azzjonijiet lokali li jistgħu jittieħdu sabiex jikber is-settur tal-produzzjoni tal-ikel organiku jew li huma interessati li jesploraw opportunitajiet ta’ intrapriża f’dan il-qasam, huma mħeġġa jagħmlu kuntatt mal-Uffiċċju tal-Ambaxxatriċi billi jċemplu fuq 22924935 jew jibagħtu e-mail fuq [email protected].

Ekonomija

Sport