Monday, May 13, 2024

Filmat: “L-interess tiegħi fil-faqar wassalni niftaħ dawn id-djar għall-persuni b’diżabilità” – Dun Anġ Seychell

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni Nazareth, imwaqqfa mill-qassis Żejtuni Dun Anġ Seychell u li toffri ħarsien, kenn u dinjità lil xejn inqas minn 29 persuna bi bżonnijiet speċjali, ftit tal-jiem ilu ċċelebrat is-26 anniversarju mit-twaqqif tagħha, proprju f’Jum il-Vitorja.

Minn bidu modest ħafna, fejn Dun Anġ kien fetaħ l-ewwel il-bieb tad-dar tiegħu biex jilqa’ fiha l-ewwel ħames persuni b’diżabilità, illum il-ġurnata din il-Fondazzjoni tamministra tliet idjar residenzjali fiż-Żejtun u hemm il-ħsieb li tinfetaħ dar oħra fil-futur.

Dan is-sit fl-aħħar jiem mar fir-residenza ta’ Dun Anġ Seychell, fejn tkellimna miegħu dwar il-ħidma li tagħmel din il-Fondazzjoni b’risq dawk l-aktar foqra u vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. 

Malli xrifna mill-bieb sibnieh jistenniena b’idejh miftuħa f’waħda mill-kmamar tiegħu. Imdawwar b’għadd kbir ta’ kotba li huma tant għal qalbu, Dun Anġ, li llum jgħodd 88 sena, beda biex jgħidilna li dak li xprunah sabiex jiftaħ dawn id-djar għall-persuni b’diżabilità kien l-interess tiegħu fil-faqar.

YouTube video

“Minn dejjem kont interessat fil-problemi tal-fqar. Din qiegħda fija u mill-esperjenza ta’ ħajti. Mill-fatt li ommi Manann kien ikollha ħafna kuntatti u kont inkun dejjem magħha fil-ħanut. Tgħallimt ħafna affarijiet mingħandha,” qalilna Dun Anġ.

Huwa kompla jitkellem dwar il-faqar li dak iż-żmien kien hemm fiż-Żejtun, it-tallaba u anke l-persuni b’diżabilità. Qal li huwa kien jinteressa ruħu ħafna f’dawn il-persuni u sussegwentement inħoloq fiż-Żejtun grupp speċifiku għal dawk inqas ixxurtjati minna.

Dun Anġ kien ukoll għamel ċensiment biex jara kemm kien hemm persuni b’diżabilità fiż-Żejtun u sab li kien hemm bejn 80 u 100 persuna fir-raħal. “Dorthom kollha jien. Darba ltqajt ma’ familja u l-ewwel tarbija li kellha kienet b’diżabilità. Kienu qalulha biex ma ġġibx iżjed tfal fid-dinja. Din kellha erbat itfal oħra u l-ebda wieħed minnhom ma ħareġ b’diżabilità. Dawn huma affarijiet li għaddejt minnhom.” 

Huwa kompla jgħidilna li kull familja li mar iżur fejn kien hemm persuni b’diżabilità kollha kienu jagħmlulu l-istess mistoqsija: “x’se jsir minnu dan it-tifel jew x’se jsir minnha din it-tifla meta mmut jew ma nkunx kapaċi iżjed nieħu ħsiebhom?.”

Qal li minn hemm imbagħad kompla jaħdem biex jara kif seta’ jgħin lil dawn l-individwi fil-bżonn u fetaħ dawn id-djar fiż-Żejtun. “Din id-dar tajtha lilhom biex jgħixu miegħi. Bdejna b’ħames residenti. Kienu kollha miż-Żejtun. Illum għandna tlett idjar u fihom hemm 29 resident li jiġu minn lokalitajiet differenti. Jiġi wkoll seminaristi biex jieħdu xi ftit taħriġ. Il-Fondazzjoni għandha wkoll workshop fejn ir-residenti jattendu kuljum u jipproduċu xogħol skont il-kapaċitajiet tagħhom. Dawn l-attivitajiet iservu bħala terapija għar-residenti.” 

“In-nies apprezzaw ħafna dawn id-djar” 

“Id-djar tagħna huma żgħar. F’dawn id-djar għandna wkoll voluntiera u anke impjegati full-time. In-nies taż-Żejtun din apprezzawha ħafna. Kellhom sens soċjali għax il-faqar kien fosthom,” kompla jgħidilna Dun Anġ. 

“Ma tgħaddix ġurnata li ma jġibulniex xi ħaġa. Darba niftakar ftaħt it-tieqa u nsib 2,000 lira. Dik kienet l-akbar somma li kellna fil-bidu. Bil-pensjoni tagħhom, l-għotja li jtina l-Gvern u l-qalb ġeneruża tan-nies, illum m’għandniex sold dejn. In-nies iħobbu ħafna dawn id-djar. Hemm persuna li wkoll ħallielna d-dar tiegħu f’Tas-Sliema u qiegħda f’post ċentrali.”

Kien hawn fejn staqsejnieh għandux xi xewqa li jkompli jiftaħ aktar djar għall-persuni b’diżabilità, Dun Anġ qal: “Jiena wasalt sa tlett idjar. Illum għandi 88 sena. M’għandix ambizzjoni noqgħod niftaħ id-djar. Imma min jiġi warajja jista’ jkompli fejn ħallejt jien.” 

Mistoqsi jekk jaħsibx li llum il-ġurnata tjiebet is-sitwazzjoni fir-rigward tal-persuni b’diżabilità, huwa qal li: “s-sitwazzjoni tjiebet ħafna. Qabel il-persuni b’diżabilità kienu moħbija. Kont niftakar wieħed dejjem kont narah maqful fil-kamra ta’ fuq. Kont narah biss jittawwal mit-tieqa. 

“Illum il-ġurnata bidla enormi. Persuni b’diżabilità saħansitra qegħdin imorru jaħdmu. Bħalma l-poplu Malti u Għawdxi avvanza, dawn il-persuni avvanzaw ukoll,” tenna Dun Anġ.

“Għad hawn nies li meta jaraw persuni b’diżabilità jinsultawhom”

Huwa qal ukoll li jieħu gost jara l-Istat u l-Knisja jimxu id f’id favur dawn il-persuni. Sostna li dawn il-persuni l-ewwel li ma jridu mhux flus jew karità imma rispett. 

“Ir-rispett turih billi jkunu stmati daqs ħutna. Għad hawn nies li meta jaraw persuni b’diżabilità jinsultawhom. Dan ir-rispett iridu jagħtu xhieda tiegħu kemm il-Knisja kif ukoll l-Istat. Nemmen li ż-żewġ entitajiet qed jagħmluh dan. Il-Knisja bl-istituzzjonijiet li għandha u l-Gvern bil-liġijiet soċjali li qiegħed jagħmel”, temm jgħid Dun Anġ Seychell. 

Sport