Sunday, December 22, 2024

Fit-8 ta’ Ġunju l-għażla hija għal leħen ikbar u iktar għodda liċ-ċittadini

Aqra wkoll

“Il-Kunsilli Lokali huma fil-qalba tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna. Illum lanqas nistgħu u lanqas għandna nimmaġinaw il-ibliet u l-irħula tagħna mingħajr is-sehem tal-Kunsilli Lokali”. Messaġġ b’saħħtu tal-Prim Ministru Robert Abela għall-ħidma li qed issir mill-Kunsilli Lokali madwar Għawdex u Malta, meta l-lejla għamel intervent waqt diskussjoni f’Wied il-Għajn bit-tema “Saħħa lill-Maltin”.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-esperjenza ta’ ħidma f’Kunsill Lokali hija waħda li tagħti sodisfazzjon, filwaqt li tkellem dwar id-differenza li Kunsilli mmexxija mill-Partit Laburista ġabu fil-lokalitajiet. Differenza li se tkompli għaddejja bil-manifest għal kull lokalità, li se jkun imqassam fid-djar fil-jiem li ġejjin.

F’Wied il-Għajn il-Prim Ministru elenka t-tmien oqsma partikolari ta’ ħidma; l-ambjent, l-indafa, l-ippjanar, it-trasport, is-servizzi, l-anzjanità, is-sigurtà u l-kultura. Oqsma li fihom se tibqa’ ssir ħidma flimkien għal bidliet.

Wieħed minnhom huwa li jkun hemm leħen b’saħħtu tal-Kunsilli Lokali fir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-Prim Ministru qal li dan kien suġġeriment tas-Sinjura Isabelle Bonnici, omm il-mibki Jean Paul Sofia, f’laqgħa li kellha mal-Kumitat tal-Kabinett li fih ġiet aġġornata dwar il-ħidma li għaddejja. L-għan aħħari f’dan is-settur huwa li jingħata iktar serħan il-moħħ lir-residenti, b’mod partikolari dawk li jgħixu biswit sit ta’ kostruzzjoni.

Dwar dan għaddejja ħidma li qed titmexxa ‘l quddiem mill-Kumitat tal-Kabinett li twaqqaf biex jixpruna l-bidliet f’dan is-settur. L-għan tal-Gvern huwa li dan is-settur ikun regolat b’mod effettiv, biex ikun hemm il-prevenzjoni kollha possibbli u b’mod adegwat milli jkun hemm inċidenti.

Ħidma li għaddejja sew, meta wieħed jara li f’inqas minn 100 jum mit-twaqqif tiegħu, diġà hemm ir-riżultati. Din il-ġimgħa stess il-kabinett approva emenda legali biex il-kummissarju responsabbli mill-ambjent u ippjanar fl-uffiċju tal-ombudsman, issa se jkollu fil-mansjoni tiegħu wkoll b’mod formali, ilmenti fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan qed isir għaliex il-Gvern qed jara li fost il-bidliet ewlenin hemm dawk li jridu jagħtu leħen ikbar u iktar għodda liċ-ċittadini.

Saru wkoll konsultazzjonijiet ma’ stakeholders konċernati, filwaqt li għaddejja ħidma biex titwaqqaf helpline ċentrali b’servizz ta’ 24 siegħa kuljum biex il-poplu jgħaddi ilmenti jew jirrapporta abbużi relatati mal-qasam tal-kostruzzjoni. Tnediet ukoll is-sejħa għal periti u avukati biex jagħtu servizz bla ħlas lil min ikun milqut minn proġetti ta’ kostruzzjoni li għaddejjin biswit il-propjetà tiegħu. Tressaq l-ewwel qari tal-liġi emendata tal-OHSA. Dawn huma bidliet li l-Gvern beda u se jkompli għaddej bihom.

“Aħna bħala gvern irridu nieħdu n-naħa tan-nies. Il-Kunsilli Lokali jridu jieħdu n-naħa tan-nies”, emfasizza Robert Abela.

Anki hawnhekk il-Kunsilli Lokali għandhom sehem, b’Kunsilli Lokali effettivi b’taħlita ta’ nies minn kull qasam tal-ħajja. Huwa għalhekk li l-Partit Laburista qiegħed jippreżenta ħaddiema, self-employed, professjonisti, pensjonanti, żgħażagħ, nisa u persuni b’esperjenza fil-Kunsill Lokali u oħrajn ġodda.

“Jien kuntent ħafna bit-tim li għandna. Tim li fit-8 ta’ Ġunju li ġej jixraqlu l-fiduċja, b’vot b’saħħtu għall-kandidati tal-Partit Laburista kollha, biex nimplimentaw il-manifest li għandna għal kull lokalità”, qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

Ekonomija

Sport