Sunday, December 15, 2024

Fl-aħħar sentejn l-ekonomija Maltija kibret ħafna mentri dik fiż-żona ewro baqgħet stabbli

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa l-Bank Ċentrali ta’ Malta kien mistieden mill-kumitat parlamentari fuq ekonomija u finanzi biex jagħti rendikont tal-attivita ekonomika f’pajjiżna. F’din il-laqgħa kien spjegat kif mentri tipikament l-ekonomija Maltija timxi maċ-ċiklu tal-ekonomija Ewropea, imma b’mod aktar sostnut, fl-aħħar sentejn l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna kien ferm differenti minn dak tal-pajjiżi madwarna. 

L-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali, Dr Aaron Grech rrimarka li mentri fiż-żona ewro kien hemm tnaqqis qawwi fir-ritmu ta’ tkabbir, tant li għal sentejn ftit li xejn kien hemm bidla fl-attivita ekonomika, f’Malta kellna aċċelerazzjoni. Liema aċċelerazzjoni waslet biex  f’Malta kellna tkabbir li jaqbeż ħafna l-medja storika ta’ 4.5%. 

Meta mistoqsi mi-deputat Alex Muscat għal spjega aktar dettaljata għal dan l-andament differenti Dr Grech sostna li kien hemm daqqiet ekonomiċi barra minn Malta li pajjiżna kien protett minnhom. 

L-aktar waħda kbira kienet il-fatt li l-prezz tal-enerġija hawn Malta kien stabbli mentri barra żdied ħafna. Għaldaqstant id-domanda domestika f’pajjiżna baqgħet sostnuta, mentri l-konsum privat fl-Ewropa naqas għax il-familji kienu magħfusin b’kontijiet għolja. Dr Grech sostna wkoll li l-istabilta fil-prezzijiet għenet ukoll lill-manifattura f’pajjiżna. 

Grech semma wkoll kif f’pajjiżna l-inflazzjoni naqset ferm, u ndika li l-Bank Ċentrali osserva l-impatt pożitiv li kellha l-iskema Stabbilta fuq il-prezzijiet tal-ikel.

Fattur ieħor li għen kemm lill-familji kif ukoll lin-negozji f’pajjiżna kien l-andament tal-imgħaxijiet. Familji u negozji Ewropej spiċċaw affaċċjaw żidiet enormi fuq il-pagamenti dovuti għas-self tagħhom. Dr Grech ikkalkula li fuq self medju f’pajjiżna, kieku kien hemm l-istess żieda fl-imgħax bħal fl-Ewropa, kien ikun hemm piż aktar ta’ aktar minn elfejn ewro fis-sena. 

Minflok f’Malta, l-imgħax baqa stabbli minħabba l-qagħda ekonomika tajba li wasslet biex il-banek ikunu likwidi ħafna. B’hekk il-familji f’pajjiżna setgħu jonfqu fuq affarijiet oħra, u n-negozji Maltin setgħu jinvestu mentri negozji barra minn Malta ma’ setgħux jaffordjaw li jagħmlu l-istess.

Meta mistoqsi mill-kelliem tal-Oppożizzjoni Graham Bencini, biex jispjega fejn qed ikun hemm żieda fl-impjiegi, Dr Grech innota kif l-aktar dan qed ikun l-aktar fis-servizzi għax hemmhekk il-valur miżjud qed jikber ħafna. Filfatt Grech innota kif diversi setturi qed jissoprendu lill-esperti ekonomiċi tant li l-istatistika qed tiġi riveduta’ l fuq b’mod frekwenti, għax setturi tal-ekonomija diġitali qed jikbru ferm aktar milli mistenni.  

Dawn is-setturi, kif wkoll dawk tas-servizzi professjonali huma iddominati mill-ħaddiema Maltin.

Fl-istess ħin l-ekonomista ewlieni tal-Ban Ċentrali spjega kif ir-raġuni għalfejn pajjiżna qed ikollu bżonn aktar ħaddiema barranin hija d-demografija. Dan hekk kif l-ammont ta’ żgħażagħ li jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol naqas b’xi 20% filwaqt li dawk li jirtiraw qegħdin dejjem jiżdiedu. 

Dan il-vojt qed jimtela f’setturi tradizzjonali bħat-turiżmu u l-manifattura bil-ħaddiema barranin, għax il-Maltin qed imorru f’setturi ġodda u b’pagi aħjar bħas-servizzi professjonali u l-ekonomija diġitali.  Dr Grech sostna li l-prijorita għaż-żmien li ġej hija li tiżdied aktar il-produttivita ħalli l-ekonomija ta’ pajjiżna tikber b’mod konsistenti għad-demografija tagħna.  

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport