Floriana komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom bl-akkwist tal-player internazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Nikita Shchepetkin.
Shchepetkin ġie jgħix Malta mir-Russja f’età żgħira, u ngħaqad ma’ Birkirkara fejn lagħab mat-tim ta’ taħt il-15-il sena. Imbagħad mar jilgħab il-Ġermanja fejn lagħab ma’ Borussia Monchengladbach u Rot Weiss Essen iżda rritorna Malta fis-sajf tal-2023, u reġa’ ngħaqad ma’ Birkirkara fejn lagħab mat-tim tal-Youths tagħhom u ntgħażel fl-iskwadra tal-kbar għal numru ta’ logħbiet tal-Malta Premier League.
F’Jannar 2025, ingħaqad ma’ FC Dynamo-2 Moscow – it-tieni tim ta’ Dynamo Moscow – filwaqt li f’Jannar li għadda, ingħaqad ma’ Livorno fl-Italja.
Il-Greens, li fil-ġimgħat li għaddew ikkonfermaw lil Daniel Portela bħala kowċ, qabel iffirmaw lil Paul Mbong, Yassine Jbira, Gaston Manuel Romano, Ange Curtis N Dri, Amar Drina, Tomislav Gudelj, Robert Muric u Kauan. Gulherme Cioletti, Dunstan Vella, Zach Scerri u Carlo Zammit Lonardelli qablu fuq kuntratti ġodda mal-klabb filwaqt li Aleandro Garzia, Jake Grech u Charles M’Mombwa ħallew lill-Greens biex jingħaqdu ma’ klabbs oħra.




