Wednesday, April 24, 2024

Formula 1: Nelson Piquet sospiż għal għomru mill-paddock wara attakk razzjali fuq Lewis Hamilton

Aqra wkoll

L-ex champion tal-Formula Wieħed, Nelson Piquet, qatt m’hu se jitħalla lura fil-paddock wara li uża kliem razzist fil-konfront ta’ Lewis Hamilton.

Sorsi multipli tal-F1 sostnew li Piquet se jiġi sospiż għal għomru wara li ddeskriva lil Hamilton b’mod razzjali waqt intervista kontroversjali fil-Brażil, li ħarġet nhar it-Tlieta.

It-tliet darbiet champion tad-dinja uża t-terminu dispreġjattiv waqt li ddiskuta l-ħabta bejn Sir Lewis u Max Verstappen fil-Grand Prix tal-Ingilterra tal-2021.

Ir-raġel ta’ 69 sena indirizza l-kontroversja u skuża ruħu għal dak li qal li kien kumment “maħsub ħażin”.

Stqarrija min-naħa tiegħu qalet li: “Dwar dak li għidt ma nagħmel l-ebda difiża għalih, imma se niċċara li t-terminu użat huwa wieħed li ntuża b’mod wiesa’ u storikament b’mod kolokkjali fil-Portugiż u l-Brażiljan bħala sinonimu għal ‘raġel’ jew ‘persuna’ u qatt ma kienet maħsuba biex toffendi.

“Qatt ma kont nuża l-kelma li ġejt akkużat biha f’xi traduzzjonijiet.”

“Nikkundanna bil-qawwa kull suġġeriment li l-kelma ntużat minni bil-għan li nnaqqas il-ġieħ tas-sewwieq minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.”

“Niskuża ruħi minn qalbi ma’ kull min ġie affettwat, inkluż Lewis, li huwa sewwieq inkredibbli, iżda t-traduzzjoni f’xi media li issa qed tiċċirkola fuq il-media soċjali mhix korretta.”

“Id-diskriminazzjoni m’għandha l-ebda post fl-F1 jew fis-soċjetà u jien kuntent li niċċara l-ħsibijiet tiegħi f’dan ir-rigward.”

Hamilton ħeġġeġ lill-kapijiet tal-F1 għal bidla drastika biex itemmu din it-tip ta’ attitudni fl-isport.

Sport