Wednesday, April 24, 2024

PREZZIJIET TAL-IKEL

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel (fost affarijiet oħra) qed iħarbtu t-tmexxija tal-politika fl-Ewropa. Qed ikunu qawwija wisq. Il-gvernijiet ma jistgħux jafdaw aktar fil-virtujiet tas-suq ħieles biex jispjegaw lill-elettorati tagħhom għaliex għandhom jieħdu paċenzja.

In-nies taf li raġunijiet ewlenija għal li qed jiġri xejn m’għandhom x’jaqsmu ma’ kemm is-suq ħieles jopera b’mod brillanti jew le. Il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna – u qabilha l-imxija tal-Covid – xejn ma kellhom x’jaqsmu mas-suq ħieles… Ħlief li meta tinħoloq skarsezza ta’ xi ħaġa, il-prezz tagħha bilfors se jisplodi ’l fuq.

Dwar kif se tinħall dil-problema mingħajr ma n-nies titgħakkes wisq u tispiċċa tivvota kontra min ikun fil-gvern, is-suq ħieles ma jgħidilna xejn. 

Qagħda li fiha n-nies mhux biss tinkwieta dwar in-nefqa li jkollha tagħmel fuq l-ikel, imma anke dwar jekk hijiex se tispiċċa bla ikel, hi mingħajr precedent tul l-aħħar deċennji. 

Forsi għalhekk li l-istqarrijiet li qed jagħmlu gvernijiet Ewropej ta’ diversi tip jinstemgħu konfużi.

ID-DWEJJAQ F’PARIĠI

Jaħti biss il-President Emmanuel Macron għad-dwejjaq li nfirex f’Pariġi wara li tħabbru ir-riżultati tal-elezzjonijiet leġislattivi fi Franza. B’hekk ġie maħtur il-Parlament li jrid jivvota iva jew le, għall-proposti tal-President. Fl-ewwel ħames snin tal-ħatra tiegħu, Macron kellu maġġoranza assoluta fil-Parlament u seta’ jgħaddi li ried.  

  Mhux aktar. B’xellug fl-aħħar magħqud f’alleanza li tagħmel sens. U b’lemin estrem li ġab deputati fil-Parlament li jirriflettu s-saħħa politika tiegħu fil-pajjiż.

L-istrateġija ta’ Macron sa issa dejjem kienet mid-dehra li jpoġġi ruħu waħdu f’konfront mal-lemin estrem. B’hekk baqa’ fiduċjuż li kull min kien kontra dal-lemin estrem, mix-xellug sal-lemin, se jivvota lilu. F’hekk irnexxielu tul l-ewwel mandat presidenzjali tiegħu.

Imma l-lemin estrem ħa qawwa parlamentari li qatt ma kellu qabel. U x-xellug ingħaqad biex ma jibqax emarġinat. Macron m’għadux jista’ jmexxi waħdu.

IL-BATTALJA TAL-AMBJENT

Il-gvern qed jitlef il-battalja tal-ambjent. Dnub għax qed jirbaħ battalji fuq ħafna fronti oħra. Imma l-ambjent jibqa’ wieħed mill-aqwa fronti ta’ ħidma u ma jistax – m’għandux jitħalla jintilef.

Diffiċli tgħid għaliex dil-ħaġa qed tiġri. Indifferenza? Nuqqas ta’ interess? Biżibilju ta’ konflitti interni ta’ interess li mhumiex jiġu kontrollati? Nuqqas ta’ attenzjoni? Żviluppaturi li għandhom qabda fuq il-politiċi?

Igħidulek: L-aqwa l-elezzjoni. U l-ebda elezzjoni ma ntrebħet jew intilfet fuq l-ambjent. 

Argument vojt. Il-punt mhuwiex l-elezzjoni li baqagħlha daqstant żmien biex tasal. L-argument hu l-imħuħ tan-nies li bdew iħossu kif il-qerda tal-ambjent se tispiċċa teqridhom. Tgħid biżżejjed li biex tikkalmhom, tgħidilhom kif qed tibni ġonna akbar fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħhom? Ma naħsibx.

Sport