Friday, May 3, 2024

Formula Wieħed: Ir-Red Bull taħt investigazzjoni ta’ allegat qerq li jista’ jitteħdilhom it-titlu kif ukoll jistgħu jiġu sospiżi

Aqra wkoll

It-team tar-Red Bull jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni ta’ qerq li tista’ thedded l-isfida tas-sewwieq Olandiż, Max Verstappen, għar-rebħ tat-titlu tal-Formula Wieħed.

Verstappen jinsab ferm viċin li jirbaħ il-kampjonat u jista’ wkoll isir champion nhar il-Ħadd li jekk fil-Grand Prix ta’ Singapore jgħaddi lil Charles Leclerc (Ferrari) bi 22 punt u jekk il-kollega tiegħu, Sergio Perez, ma jispiċċax mal-ewwel tlieta. 

Madankollu, ir-Red Bull u Aston Martin jinsabu taħt investigazzjoni dwar allegat qerq li kisru l-limitu l-ġdid tal-budget tal-Formula Wieħed.

Qabel il-bidu tal-istaġun li għadda, l-FIA introduċiet l-limitu li t-timijiet jistgħu jonfqu fuq l-iżvilupp tal-karozzi tagħhom.

It-total kien stabbilit għal $145m bil-għan li t-timijiet akbar, li normalment kienu jonfqu tliet darbiet dik iċ-ċifra, jitwaqqfu milli jkollhom vantaġġ superjuri.

Għaldaqstant ġew stabbiliti regoli stretti iżda kkumplikati fir-regolamenti finanzjarji tal-isport b’firxa wiesa’ ta’ penalitá għall-ksur tar-regoli. Is-sanzjonijiet elenkati fir-regolamenti jinkludu multa, filwaqt li b’mod kruċjali l-Artikolu 9.1 tal-”Penali Sportivi Materjali” jelenka wkoll “tnaqqis tal-punti tal-kampjonat tal-kostrutturi”, u “tnaqqis tal-punti tal-kampjonat tas-sewwieqa”.

Forsi aktar inkwetanti għal Verstappen hija l-possibbiltà li l-penalitajiet jinkludu wkoll “sospensjoni mill-kampjonat”.

Fit-teorija, dan jista‘ jkollu konsegwenzi koroh fuq ir-Red Bull peress li r-rebħa kontroversjali ta’ Verstappen f’Abu Dhabi, is-sena li għaddiet, taqa’ fl-istess sena li ġew introdotti dawn ir-regoli.

Filwaqt li huwa improbabbli li l-valutazzjoni tal-FIA se tbiddel ir-riżultat  tas-sena l-oħra, hemm tħassib serju ta’ x’jistra’ jiġri għal dawk it-timijiet li kisru r-regolamenti. 

Sport