Thursday, April 18, 2024

45% tal-kandidati tal-PL u l-PN fl-elezzjoni ġenerali ddikjaraw nefqa ta’ €5,000 jew aktar

Il-Kummissarju għall-Istandards joħroġ rapport dwar l-infiq mill-kandidati fl-elezzjonijiet

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ rapport dwar l-infiq mill-kandidati fl-elezzjonijiet ġenerali fuq il-kampanji elettorali tagħhom. 

Ir-rapport jindaga dwar kemm jintefqu flus mill-kandidati, kif inhu regolat dan l-infiq, u kif jiġi rapportat mill-kandidati. Ir-rapport joħroġ minn eżerċizzju ta’ analiżi ġenerali, mhux investigazzjoni, u jiffoka fuq il-prattiċi mhux fuq l-imġiba ta’ xi individwi partikolari. 

Ir-rapport isib li skont il-liġi, il-kandidati jistgħu jonfqu sa €40,000 jekk jikkontestaw żewġ distretti. Madankollu dan il-limitu jgħodd biss għall-infiq li jsir matul il-kampanja elettorali uffiċjali, li tibda meta tissejjaħ elezzjoni. Is-soltu l-kandidati jibdew il-kampanji tagħhom ferm qabel. 

Filwaqt li dan l-ammont jirrappreżenta l-massimu, 45 fil-mija tal-kandidati kollha li ħarġu maż-żewġ partiti l-kbar fl-elezzjoni ta’ Marzu 2022 iddikjaraw nefqa ta’ €5,000 jew aktar. Seba’ kandidati ddikjaraw nefqa ta’ aktar minn €25,000 – wieħed mill-Partit Nazzjonalista u sitta mill-Partit Laburista. Minn dawn tal-aħħar, erba’ kienu Ministri. 

Id-dikjarazzjonijiet tal-kandidati mhux bilfors jagħtu stampa sħiħa tal-infiq tagħhom għaliex id-dikjarazzjonijiet jitqiesu li jitolbu rendikont tal-infiq waqt il-kampanja uffiċjali biss. Analiżi tal-materjal imtella’ minn xi kandidati fuq il-midja soċjali jitfa’ dawl fuq avvenimenti tal-kampanja li ma jidhrux riflessi fid-dikjarazzjonijiet tagħhom. 

Il-formoli tad-dikjarazzjoni huma antikwati u mhumiex ċari. F’ħafna każi d-dikjarazzjonijiet attwali lanqas huma skont il-formoli. Per eżempju, wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2022 numru limitat biss ta’ kandidati fornew lista dettaljata ta’ dawk li tawhom donazzjonijiet għall-kampanja, kif kellhom jagħmlu l-kandidati kollha skont il-liġi. 

Ir-rapport josserva li persuni validi jistgħu jitnaffru milli joħorġu bħala kandidati għaliex ikunu jridu jonfqu ammont sostanzjali ta’ flus biex ikollhom ċans raġonevoli li jiġu eletti. Dan joħloq il-periklu li l-politika tispiċċa f’idejn dawk li jarawha bħala mezz ta’ gwadann personali, jew li ma jiddejqux jidħlu f’obbligi lejn terzi persuni li jiffinanzjawlhom il-kampanja tagħhom. Dan idgħajjef l-istandards fil-ħajja pubblika u jimmina l-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess politiku. 

Dan ir-rapport hu maħsub biex iqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni preżenti, u ma fihx rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar x’għandu jsir. Madankollu, ir-rapport jistaqsi jekk għandux ikun hemm limitu għall-infiq mhux biss waqt il-kampanja uffiċjali iżda matul il-ħajja kollha tal-leġiżlatura. Ir-rapport jipproponi li l-kandidati għandhom ikunu obbligati jirrapportaw kull donazzjoni sinifikanti, tingħata meta tingħata. Ir-rapport iwissi li nuqqas ta’ kontroll fuq l-infiq tal-kandidati jista’ joħloq telqa lejn il-qiegħ fir-rigward tal-istandards fil-ħajja pubblika. Huwa essenzjali għas-saħħa tad-demokrazija f’Malta li din is-sitwazzjoni tiġi evitata. 

Ekonomija

Sport