Tuesday, April 23, 2024

Investiment ta’ €123,000 fiċ-Ċentru għal Persuni b’Diżabilità fi Fleur-de-Lys

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, żaret uffiċjalment iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fi Fleur-de-Lys. Tul din iż-żjara l-Ministru Farrugia Portelli rat ix-xogħlijiet li saru u li qegħdin isiru b’investiment ta’ €123,000, biex ikomplu jittejbu l-faċilitajiet offruti miċ-ċentru lil aktar minn 60 persuna b’diżabilità reġistrati miegħu.

Dan il-proġett, li kien imwiegħed fil-programm elettorali u li issa huwa lest, jagħmel parti minn tisbiħ ta’ diversi ċentri ta’ matul il-jum li hawn f’Malta u Għawdex.

B’riżultat ta’ dan l-investiment saru multi-sensory room; titjib fil-faċilitajiet tal-kmamar tal-banju; installazzjoni ta’ grawnd tal-boċċi, inklużi dwal għall-użu tal-faċilità filgħaxija; u titjib konsiderevoli fis-sistema tal-elettriku.

Is-servizzi provduti mill-faċilitajiet multi-sensorjali ta’ dan iċ-ċentru jingħataw minn staff imħarreġ apposta u jintużaw ukoll minn klijenti ta’ ċentri oħrajn. Il-faċilitajiet huma ddisinjati bl-għan speċifiku li jgħinu fl-iżvilupp tas-sensi u jikkontrollaw l-istimulazzjoni sensorjali, u jtejbu l-konċentrazzjoni tal-persuna.

Matul din iż-żjara ġie wkoll spjegat lill-Ministru Farrugia Portelli li madwar 70 persuna b’diżabilità minn diversi ċentri oħrajn ta’ matul il-jum qegħdin jużaw il-grawnd tal-boċċi għal sessjonijiet ta’ taħriġ. Il-faċilità qed tintuża wkoll minn atleti ta’ Special Olympics Malta.

Il-Ministru Farrugia Portelli, filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għax-xogħol li sar, enfasizzat li l-konkorrenza għal dawn il-faċilitajiet tistimula aktar ħidma favur il-persuni b’diżabilità, aktar determinazzjoni, aktar rieda min-naħa tal-gvern biex ikun assigurat kemm jista’ jkun li l-persuni b’diżabilità jħossu lilhom infushom daqs u bħal kull persuna oħra.

Il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna qal li x-xogħlijiet li saru fiċ-Ċentru ta’ Fleur de Lys huma parti mill-eżerċizzju kontinwu ta’ żvilupp sabiex iċ-ċentri ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex joffru ambjent sikur, modern u aċċessibbli li jirrifletti l-bżonnijet tal-klijenti, kif ukoll jakkomoda l-iżvilupp tas-servizzi u programmi diversi li toffri l-aġenzija minn dawn iċ-ċentri. Ix-xogħlijiet fiċ-Ċentru ta’ Fleur de Lys jolqtu diversi aspetti kemm dawk terapewtiċi, sportivi, kif ukoll titjib fil-faċilitajiet għall-klijenti u l-impjegat ta’ dan iċ-ċentru. Dan jimxi mal-viżjoni li l-aġenzija tkompli ttejjeb l-operat tagħha bil-mira tkun li l-persuni b’diżabilità jiksbu l-ħiliet biex jgħixu ħajja iżjed indipendenti fil-komunitajiet.

Ix-xogħlijiet li għaddejjin fid-diversi ċentri ta’ matul il-jum huma parti minn programm mifrux fuq medda ta’ snin u jinvolvi ċ-ċentri ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, Mtarfa, Swatar, Sliema Skills Space, Gardjola, Ħal Far, Mtarfa Resource, u Għajnsielem Hub f’Għawdex.

Sport