Il-midfielder Daniż ta’ Porto, Victor Froholdt, ittieħed l-isptar wara li ntilef minn sensih waqt il-logħba kontra Moreirense fil-Liga Portugal.
L-inċident seħħ fil-85 minuta, meta Froholdt intlaqat f’rasu minn minkeb ta’ Guilherme Liberato. Il-player waqa’ mal-art u baqa’ bla moviment, iżda sieħbu Jan Bednarek tah l-għajnuna immedjata u poġġieh fil-pożizzjoni ta’ rkupru.
Froholdt ingħata kura għal diversi minuti qabel ma ttieħed fuq stretcher, waqt li l-partitarji tawh applaws ta’ inkoraġġiment.
Aktar tard ġie kkonfermat li sofra konkussjoni, iżda kien konxju u l-eżamijiet ma wrew l-ebda anomalija.
Porto kkonfermaw li kien se jibqa’ taħt osservazzjoni l-isptar sal-Ħadd.
Sadanittant, Liberato skuża ruħu pubblikament u qal li qatt ma kellu l-intenzjoni li jweġġa’ lil Froholdt.
Il-player żagħżugħ huwa meqjus bħala talent promettenti u kien qed jiġbed l-interess ta’ diversi clubs tal-Premier League, fosthom Arsenal u Manchester United.





