Waqt iż-żjara tiegħu fiċ-Ċina, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iffirma ftehim f’isem il-Gvern Malti mal-Viċi Ministru Wang Lingjun sabiex pajjiżna jibda jesporta t-tonn lejn iċ-Ċina. Dan se jkun qed jiftaħ settur ġdid ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Fid-dawl ta’ dan il-ftehim importanti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin sostna kif id-diskussjonijiet ilhom għaddejjin numru ta’ xhur u dan l-iffirmar qed ikompli jsaħħaħ il-kullana ta’ ftehimiet kummerċjali li qed naraw li jkollna ma’ pajjiżi minn kull rokna tad-dinja biex naraw li fuq kollox il-prodott Malti jkompli jikber. Ian Borg kompla jgħid kif dan il-pajjiż ġgant fl-ekonomija dinjija mhux l-unika wieħed fl-Asja li qed jagħlaq dan il-ftehim għas-settur tat-tonn, dan minħabba l-fatt li Malta diġà tesporta t-tonn lejn il-Ġappun u anke l-Korea t’Isfel.
Il-Ministru Borg spjega kif il-Gvern Malti għandu l-għan li dan it-tip ta’ ftehim ikompli jkun estiż f’pajjiżi oħra u għalhekk il-Gvern jibqa’ jagħti kontribut u jimbotta lin-negozji Maltin u Għawdxin biex jibqgħu jimirħu barra mill-pajjiż, ikabbru l-operat tagħhom u fuq kollox naraw li l-ekonomija Maltija tibqa’ tkun waħda ta’ suċċess.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo sostna li qiegħed jsir kull sforz sabiex jkabbru u nifirxu s-swieq internazzjonali li fihom jinbiegħu prodotti lokali. Għalhekk b’sodisfazzjoni kbir nħabbru li t-tonn Malti ser jibda jiġi esportat iċ-Ċina, suq enormi u b’potenzjal kważi bla limiti. Dan ser jassigura li s-sajd f’pajjiżna ser jibqa’ sostenibbli ekonomikament għaż-żmien li ġej billi ser titrażżan id-dipendenza fuq suq wieħed filwaqt li tiftaħ opportunitajiet ġodda għal aktar espansjoni kemm fil-kwantità u l-kwalità tat-tonn esportat kif ukoll għal ħut ieħor li Malta hija tant rinomata għalihom.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Agrikoltura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said enfasizzat kif it-tonn li jinqabad, jew jitrabba fl-irziezet f’pajjiżna, huwa wieħed mill-aktar prodotti mfittxija fis-swieq internazzjonali minħabba t-togħma u l-kwalità tal-prodott: “Infakkar kif bejn l-2020 u l-2023, Malta esportat bejn 16,000 u 20,000 tunnellata ta’ tonn lejn diversi pajjiżi, fosthom il-Ġappun, l-Ewropa u l-Amerika.” Dr Bugeja Said iddeskriviet l-introduzzjoni tat-tonn Malti fis-suq taċ-Ċina bħala opportunità inkredibbli għal pajjiżna: “Inizjattivi bħal dawn jirriżultaw f’iktar dħul u impjiegi, kemm għas-sajjieda tagħna, kif ukoll għal dawk kollha li jaħdmu fl-irziezet tat-tonn.”