Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid ma’ Toppan Security Malta Ltd. li se jkopri t-tliet snin li ġejjin, b’numru ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Head of Global Operations – ID u Site Director ta’ Toppan Security Malta Ltd, Daniel Cremona, qal li jinsab kuntent li llum għalqu dan il-Ftehim Kollettiv. Ftehim li jfisser li l-kumpanija laħqet pass importanti ieħor li jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-impjiegi f’Malta.

Il-ftehim ġie ffirmat f’isem il-GWU mis-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, Jason Gatt, flimkien max-Shop Steward Kevin Xuereb. F’isem Toppan Security Malta Ltd. iffirmaw Daniel Cremona, Head of Global Operations – ID u Site Director u Seralie Bonett, Global HR Manager.
Is-Segretarju tat-Taqsima, Jason Gatt, iddeskriva dan il-ftehim bħala kisba oħra importantigħall-ħaddiema tal-kumpanija. Huwa qal li n-negozjati saru f’ambjent pożittiv u b’rispettreċiproku, fejn iż-żewġ naħat ħadmu flimkien sabiex jintlaħaq ftehim li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
“Permezz ta’ dan il-ftehim stajna nintroduċu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, żidiet fil-pagi u benefiċċji oħra li jagħtu aktar valur lill-ħaddiema u jirrikonoxxu l-kontribut tagħhomlejn is-suċċess tal-kumpanija,” qal Jason Gatt.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema għall-fiduċja li wrew fil-GWU u esprima l-apprezzamenttiegħu lejn il-Kumitat u lix-Shop Steward Kevin Xuereb għall-impenn, id-dedikazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom matul il-proċess kollu tan- negozjati.
Il-GWU temmen li dan il-Ftehim Kollettiv huwa pass ieħor lejn relazzjonijiet industrijalib’saħħithom, li jkomplu jsaħħu kemm il-ħarsien tal-ħaddiema kif ukoll is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-kumpanija fis-snin li ġejjin.
Għal dan il-ftehim kien hemm preżenti d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela u l-President tal-GWU Jason Deguara.


