Friday, December 13, 2024

“Ftit mill-każi ta’ kuljum… klieb li qatt ma jaraw id-dawl ta’ barra”

Talba biex jiħraxu l-pieni għal min jaħqar l-annimali

Mandy Cilia
Mandy Cilia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fuq post li tellgħu fuq il-midja soċjali, MSPCA wrew każ wieħed mill-ħafna każi ta’ moħqrija li jidħlulhom rapporti dwarhom kuljum. 

“Immaġinaw xi jħossu dawn il-klieb li jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni mingħajr m’għandhom tort” 

Huma semmew is-sofferenzi li jgħaddu minnhom dawn l-annimali mingħajr ħtija ta’ xejn. Fosthom issib in-nuqqas ta’ ikel u ilma maħmuġ li jkollhom magħhom dawn l-istess annimali. Innutaw ukoll li dawn l-annimali qatt ma jaraw xemx tant li anka meta jiġu miġburin mill-awtoritajiet juru sofferenza minħabba li jkunu draw f’sigħat twal jgħixu fi dlam ċappa.

Ġurnata wara oħra jridu jgħixu ħajja dipressanti fil-ħmieġ tagħhom stess għax min suppost qed jieħu ħsiebhom qed iħallihom f’dan l-istat tal-biżà. Żiedu jispjegaw dwar l-istat ta’ rabja tal-istess klieb li jispiċċaw jattakkaw lil xulxin u jinfexxu f’kulma jsibu mas-saqajn fil-post fejn ikunu qed jinżammu. Għal dawn il-klieb li jesperjenzaw ferħ bħalma huwa xi ġugarell jew min jilgħab magħhom hija xi ħaġa ineżistenti.

Dawn huma s-sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom MSPCA ta’ kuljum li bl-għajnuna tal-Animal Welfare qed jiġu ttrattati ta’ kuljum. Fl-aħħar huma jappellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu f’konsiderazzjoni li jintroduċu pieni aktar ħorox għal dawk kollha li jaħqru l-annimali.

Ekonomija

Sport