Friday, April 26, 2024

Ftit sigħat għal kwiet għat-talb f’Għawdex

L-Isqof Teuma inawgura eremitaġġ fuq l-Għolja ta’ Għammar… Min jixtieq imur irid javża minn qabel

Aqra wkoll

L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma, inawgura eremitaġġ fuq il-quċċata tal-Għolja ta’ Għammar tal-gżira ġara. Immexxi mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, dan l-eremitaġġ joffri spazju lil kull min jixtieq iqatta’ ftit sigħat f’ambjent kwiet biex jitlob u jisma’ l-vuċi ta’ Alla.

Iż-żona, imsejħa Ta’ Għammar, hija l-għolja f’Għawdex li tifred xaqliba tal-Għarb mill-Għasri u tiġi faċċata tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Kif insibu qrib santwarji kbar Marjani, fosthom Lourdes, fuq din l-għolja hemm Via Sagra bi xbihat li jirrappreżentaw 14-il mument differenti mill-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.

L-amministrazzjoni tas-Santwarju Ta’ Pinu rranġat dan il-post bil-għan li persuna, fis-sbuħija tan-natura u s-skiet tal-inħawi, tkun tista’ tqatta’ ħin tisma’ u titkellem ma’ Alla. Għal dan il-għan, kamra li kienet teżisti diġà fid-daħla tal-arena li hemm fil-quċċata tal-għolja, inbidlet f’eremitaġġ, imsejjaħ “Fuq l-Għolja”.

L-eremittaġġ ingħata l-isem “Fuq l-Għolja”, kliem li jużaw l-evanġelisti meta jirrakkontaw il-ġrajja tat-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.

It-tmexxija tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu qiegħda tilqa’ b’avviż minn qabel minn kull min jixtieq juża dan l-eremitaġġ. Qabel wieħed jitla’ fl-eremitaġġ, ikollu mument ta’ diskussjoni ma’ saċerdot fejn qiegħed jiġi offrut anke ktejjeb li jakkumpanja lil dak li jkun bit-talb.

Sport