Monday, May 13, 2024

“Fuq livell ekonomiku hemm bżonn li nħarsu lil hinn mill-politika partiġġjana”

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri ddikjara fil-Parlament li f’ċertu diskussjonijiet speċjalment fuq livell ekonomiku, hemm bżonn li nħarsu lil hinn mill-politika partiġġjana u naraw li jkun hemm diskussjoni aktar matura.

Il-Ministru Schembri stqarr dan waqt il-winding up tad-diskussjoni b’rabta mal-emendi fil-Kodiċi tal-Kummerċ, li kien hemm qbil unanimu dwarhom miż-żewġ naħat tal-Kamra. 

Huwa nnota li l-maġġoranza assoluta tal-interventi li saru f’din id-diskussjoni ma kinux ibbażati fuq politika partiġġjana imma pjuttost fuq suġġerimenti li ħafna minnhom diġà qed jintlaqgħu u jaraw li jsiru t-tibdiliet.

Il-Ministru Schembri nnota li fil-Kamra jkun hemm ħafna dibattiti jaħarqu, uħud inqas, u oħrajn partiġġjani. Però qal li fejn tidħol l-ekonomija ħafna drabi kull meta kien hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dejjem raja li dan il-pajjiż mexa ‘l quddiem u għamel suċċess.

Qal li huwa bniedem jħobb il-politika u d-dibattiti ma jżommx lura minnhom. “Però naħseb li dan il-pajjiż fl-aħħar snin għaddejna minn diversi sfidi, hux il-pandemija, l-FATF jew il-gwerra fl-Ukrajna, jimmeritaw li dan il-livell tal-Parlament jogħla minn ċertu livell ta’ diskussjoni u tabilħaqq naraw li nkunu denji tat-t-titolu tagħna u li d-diskussjoni tkun waħda aktar matura. S’issa min-naħa tal-Oppożizzjoni qed insib koperazzjoni fuq ċertu suġġetti. Ma jfissirx li se naqblu fuq kollox.” 

“Diġa’ hemm diskussjoni kif se nkunu qed naħdmu flimkien fuq diversi setturi u nerġa’ nagħti l-kelma tiegħi li se nkompli b’dan l-istil ta’ politika sabiex naraw li verament noffru politika denja liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” tenna l-Ministru Schembri li qal li jħares ‘il quddiem biex fi stadju ta’ kumitat, dawn it-tliet abbozzi ta’ liġijiet jiġu approvati.

Sport