Raġel ta’ 32 sena residenti l-Furjana kien arrestat b’rabta ma’ żewġ serqiet minn stabbilimenti fil-Qawra u Tas-Sliema.
L-ewwel serqa saret fl-24 ta’ Mejju minn stabbiliment fil-Qawra għall-ħabta tat-3:00 p.m. Dakinhar il-Pulizija kienet irċeviet rapport li persuna mhux magħrufa kienet serqet iPad.
L-għada għall-ħabta tal-3:45 p.m il-Pulizija daħlilha rapport ta’ iPad ieħor li nsteraq minn stabbiliment f’Tas-Sliema.
Wara li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà tal-ħwienet, il-pulizija stabilixxew l-identità tal-allegat ħalliel, li fiż-żewġ każijiet, kien l-istess wieħed. Għaldaqstant, saret tfittxija għalih u kien arrestat ilbieraħ.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia għall-ħabta tal-10:30 a.m.