Wednesday, July 24, 2024

Futsal: Luxol jibqgħu fit-tiġrija għat-titlu wara wirja dominanti fuq Swieqi United

Aqra wkoll

Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s kisbu rebħa faċli ta’ 8-0 kontra Swieqi United f’logħba valida mill-fażi Elite tal-Kampjonat Enemed.

It-tim minn St Andrew’s iddomina l-partita mill-bidu sal-aħħar bi Swieqi li ddiżappuntaw ferm tul l-40 minuta logħob.

Sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien diġa’ 6-0 sabiex fit-tieni taqsima t-tim immexxi minn Gabriel Dobre seta’ jamministra l-logħba filwaqt li żied żewġ gowls oħra.

Celino Alves, li kien qed jirritorna wara injury, skorja doppjetta, l-istess bħalma għamel Matthew Attard. Mark Zammit, Emil Raducu, Michael Borg u Andre Ciancio żiedu aktar gowls għar-rebbieħa.

Referees kienu Jude Amin Utulu u Stephen Vella.

ŻRQ Bormla irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s Futsal 3-2. Dawn tal-aħħar taw qalbhom tul il-partita kollha wara li fl-aħħar logħbiet sabuha diffiċli jlaħħqu mal-avversarji fil-fażi elite.

Bruno de Souza poġġa lill-Bormliżi minn fuq sabiex Sean Parnis ġab l-iskor indaqs għal Birżebbuġa. Karl Sciortino reġa’ poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ bit-tim minn Birżebbuġa li reġa’ sab il-parita’ minn Armando Gjepali.

Madankollu l-aħħar kelma kienet ta’ ŻRQ Bormla li skorjaw il-gowl li tahom it-tliet punti grazzi għall-plejer ta’ esperjenza Jovica Milijic.

Referees kienu Clint Cassar u Marco La Rosa.

Fl-Enemed Challenger League, Ta’ Xbiex Iżola Bank rebħu l-isfida tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika filwaqt li qabżu lil Marsaskala Futsal wara skor ta’ 7-1.

Stefi Cale u Juan David Bautista Conde skorjaw doppjetta kull wieħed għal Ta’ Xbiex b’Liam Caruana, Andres Rodriguez u Ryan Debono li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Ayoub Ahmad skorja l-uniku gowl għall-Iskalin.

Referees kienu Clinton Cassar u Pierre Bonnici.

Is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena kisbu rebħa tajba ta’ 7-2 kontra Gżira United Santa Margherita.

Collin Sammut kien il-protagonista għaż-żgħażagħ Maltin meta skorja tripletta filwaqt li Nathan David Balzan wettaq doppjetta personali. Miguel Camilleri u Anson Fenech skorjaw aktar gowls għal Malta U19.

Il-Gżirjani sabu x-xibka darbtejn permezz ta’ Yessous Camilleri.

Referees kienu Danilo Francalanza u Pierre Bonnici.

Anke s-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena kellhom is-sodisfazzjon li jiksbu tliet punti importanti wara li għelbu lil Sliema Futsal 5-3.

Ma kinitx logħba faċli għat-tim ta’ taħt it-18-il sena għalkemm kellhom lil Brave Azzopardi ta’ ispirazzjoni hekk kif skorja doppjetta. Isaac Vella, Samuel Christoph Abela u Maximilian Tomasuolo kienu wkoll fost l-iskorers.

Is-Slimiżi naqqsu l-marġni tal-iskor minn tripletta ta’ Juan Morales Poveda.

Referees kienu Stephen Vella u Stefania Bonnici.

KLASSIFIKA– ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE

University of Malta ACJ Group 39, Luxol St Andrew’s 34, ŻRQ Bormla 28, Swieqi United FC Futsal 24, Birżebbuġa St Peter’s 18.

KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE

Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 24,  Marsaskala Futsal 22, Sliema Wanderers FC Futsal 11, Selezzjoni Maltija U19 10, Gżira United Santa Margherita, Selezzjoni Maltija U18 6.

Ekonomija

Sport