Wednesday, July 24, 2024

Swieqi Braves mill-ġdid fl-ewwel post wara rebħa kbira

Aqra wkoll

Swieqi Braves telgħu mill-ġdid fl-ewwel post tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni meta b’wirja kbira għelbu lil San Ġiljan Saints 5-1.
Il-Braves kienu qed jirritornaw għar-rebħ wara sensiela ta’ riżultati negattivi u kkonfermaw l-isfida tagħhom għat-titlu flimkien mar-rivali Valletta St Paul’s.

Il-bidu tal-logħba kien xi ftit kwiet sakemm kien fit-23 minuta li Swieqi marru minn fuq permezz ta’ Mohamed Amri li għeleb lill-goalkeeper tas-Saints. Ħames minuti wara huma għamluhom tnejn meta kien Bruno Menezes li sab ix-xibka sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-0.

Fit-tieni taqsima, il-Braves komplew fejn ħallew tant li f’temp ta’ 20 minutes skorjaw tliet gowls oħra minn Lucas Santos fl-40 minuta, Pedro de Oliveira fis-60 minuta u Eder Pacagnella fit-62 minuta.

Robert Veskimae naqqas il-marġni tal-iskor għall-Ġiljaniżi.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Anke Balluta Barracudas irritornaw għar-rebħ wara li b’gowl uniku ta’ Nick Borg għelbu lil Senglea Gunners.

Kienet logħba ferm tattika biż-żewġ naħat li ddefendew tajjeb bl-ewwel taqsima li għalqet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Balluta ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa żewġ minuti minn tmiem il-konfront permezz ta’ Nick Borg li għen lit-tim tiegħu jirreġistraw ir-raba’ rebħa staġjonali.

Għal Senglea Gunners, l-affarijiet jidhru xi ftit inkwetanti hekk kif jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika.

Referee kien Reno Galea.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Għaxaq Wolves ġew uffiċjalment dikjarati champions tat-tieni diviżjoni wara li għelbu lil Żebbuġ Youngsters 4-2.

Ma kinitx logħba faċli għall-Għaxqin li wara li skorjaw tliet gowls fil-bidu tal-logħba, raw ir-reazzjoni taż-Żebbuġin li madankollu ma kinitx biżżejjed sabiex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Marlon Farrugia poġġa lill-Wolves minn fuq wara 14-il minuta sabiex Waylon Spiteri rdoppja l-iskor tliet minuti wara b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa. Juan Pablo Alves Herrera skorja t-tielet gowl fit-28 minuta sabiex għamilhom 3-0 għat-tim tiegħu.

Fit-28 minuta waslet ir-reazzjoni ta’ Żebbuġ li naqqsu l-marġni tal-iskor minn Joshua Cutajar sabiex Luke Bezzina reġa’ skorja fid-39 minuta.

Madankollu l-aħħar kelma kienet taċ-champions il-ġodda li ssiġġillaw ir-rebħa minn Sebastian Nayar fis-66 minuta.

Referee kien Jonathan Balzan.

Gudja Wanderers irritornaw għar-rebħ wara sensiela ta’ riżultati mhux daqstant pożittivi meta ddominaw u rebħu lil Buġibba Club de SWAT 4-1.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, il-Gudjani kienu qed jirbħu 4-0 hekk kif il-plejers tal-Wanderers għamlu l-affarijiet ċari sa mill-bidu fejn marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta wara awtogowl ta’ Udaharaj Thannikodungil sabiex Neil Baldacchino skorja żewġ gowls b’Kurt Borg iżid ieħor minn penalty.

Żewġ minuti qabel tmiem il-partita, Kirandas Kholatiparambil naqqas il-marġni tal-iskor għal Club de SWAT.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Kalkara Flames telgħu fit-tielet post tal-kampjonat tat-tielet diviżjoni meta għelbu lil Ħal Far Titans 1-0. Dawn tal-aħħar kien qed isofru t-tielet telfa staġjonali fejn wara bidu tajjeb ħafna, huma qed ibatu biex jiskorjaw.

Il-gowl li ddeċieda l-partita ġie skorjat minn Neil Sammut fit-68 minuta. Fi tmiem il-partita kien evidenti l-ferħ tal-plejers u diriġenti Kalkariżi li bil-mod il-mod qed ikomplu fit-triq tal-progress.

Referee kien Karl Stefan Galea.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 21, Valletta St Paul’s 19, Marsa St Michael ,Balluta Barracudas, San Ġiljan Saints 15, San Ġwann Pro Evolution Academy 13, Senglea Gunners 11, Valletta Stars 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 31, Ta’ Ġiorni Wanderers 17, Attard Edex Kings 16, Mqabba Albions 15, Gudja Wanderers 11, Żebbuġ Youngsters 9, Birkirkara St Joseph, Buġibba Club de SWAT 7.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 20, Ħal Far Titans 16, Kalkara Flames 11, Naxxar Victorians 9, Mosta Vikings 2

Ekonomija

Sport