Monday, May 13, 2024

L-Ukrajna tikkritika b’qawwa kumment tal-Papa u tqabblu mal-kummenti ta’ Hitler

Aqra wkoll

Kumment li għamel il-Papa Franġisku  biex l-Ukrajna tinnegozja t-tmiem tal-gwerra tagħha mar-Russja u jkollha l-kuraġġ li “ttells l-bandiera bajda” laqqat kritika qawwija mill-UKrajna tant li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna qal li pajjiżu qatt mhu se jtella’ bnadar oħra ħlief il-kuluri blu u isfar tal-pajjiż.

L-Ukrajna opponiet bil-qawwa din is-sejħa li għamel il-Papa Franġisku saħansitra l-President Ukren Volodymyr Zelensky ċaħad il-kummenti tal-Papa u ddeskrivieh bħala “medjazzjoni virtwali”. 

Kelliem tal-Vatikan aktar tard qal li waqt l-intervista, il-Papa Franġisku kien qed jitkellem dwar il-waqfien tal-ġlied permezz ta’ negozjar, mhux kapitulazzjoni. L-intervista tal-Papa max-xandar Żvizzeru RSI, saret fi Frar u hija skedata li tixxandar fl-20 ta’ Marzu bħala parti minn programm kulturali.

Skont traskrizzjoni kkwotata mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, il-Papa intalab jikkummenta dwar dibattitu bejn dawk li jridu li l-Ukrajna tfittex ftehim mar-Russja jew ixejjer il-“bandiera l-bajda”,  u dawk li jargumentaw li li jekk iċċedi tkun qed tilleġittimizza l-aggressjoni.

Il-Papa kien ikkwotat jgħid li “l-aktar wieħed b’saħħtu huwa dak li jħares lejn is-sitwazzjoni, jaħseb fil-poplu tiegħu u għandu l-kuraġġ tal-bandiera l-bajda u jinnegozja. Meta tara li tkun megħlub, li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb, irid ikollok il-kuraġġ li tinnegozja,” 

Aktar kmieni l-Ħadd il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba qal fuq il-midja soċjali li l-bandiera Ukrena hija waħda safra u blu. “Din hija l-bandiera li biha ngħixu, imutu, u nirbħu. Qatt m’għandna ngħollu bnadar oħra.”

L-ambaxxatur tal-Ukrajna fil-Vatikan qabbel il-kummenti tal-Papa ma’ dawk li kienu favur taħditiet ma’ Adolf Hitler matul it-Tieni Gwerra Kelma. Kien hemm ukoll kritika qawwija mill-Ukreni fuq il-midja soċjali, inkluż il-kap tal-knisja Kattolika Griega Ukrena.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk Radek Sikorski staqsa jekk il-Papa hux se jħeġġeġ lill-President Russu Vladimir Putin biex ikollu l-kuraġġ li jirtira l-armata tiegħu mill-Ukrajna.

B’reazzjoni għas-sensiela ta’ kritika, il-kelliem tal-Vatikan Matteo Bruni qal li l-Papa qabad ix-xbieha tal-bandiera l-bajda biex jindika tregwa milħuqa bil-kuraġġ ta’ negozjar. Żied li l-Papa għamilha ċara li n-negozjati qatt ma huma ċediment.

Aktar minn sentejn wara l-attakk fuq skala sħiħa tar-Russja, l-Ukrajna tinsab fuq id-difensiva. Ix-xahar li għadda truppi Russi qabdu l-belt strateġika ta’ Avdiivka. Minn dakinhar, ir-Russi avvanzaw aktar lejn il-punent u anke ħadu diversi rħula.

F’Washington abbozz ta’ liġi biex jipprovdi $60 biljun lill-Ukrajna ġie mblukkat fil-Kungress tal-Istati Uniti u pajjiżi Ewropej qed jitħabtu biex jaqblu dwar modi kif jappoġġjaw lill-Ukrajna.

Sport