Sunday, December 22, 2024

Futsal: University of Malta ACJ Group ikomplu jirbħu

Aqra wkoll

University of Malta ACJ Group kisbu t-12-il rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s 7-2.

Din kienet it-tieni logħba tal-Universitarji fil-fażi tal-Elite Round bit-tim immexxi minn David Bobokhidze li baqa’ jżomm il-konsistenza tiegħu.

Guillherme Fonseca skorja tliet gowls, Raimundo da Silva kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Gia Nikvashvili u Steven Camilleri għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Kieran Debono u Armando Gjepali naqqsu l-marġni tal-iskor għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.

Referees kienu Stephen Vella u Andrea Naudi.

Iċ-champions Luxol rebħu l-battalja tagħhom kontra ŻRQ Bormla 5-4. Dawn tal-aħħar taw qalbhom kontra t-tim ta’ Gabriel Dobre fejn minkejja li kienu 5-1 minn taħt, kienu kapaċi jkomplu jemmnu sal-aħħar.

Matthew Attard u Luke Gatt skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Andre Ciancio żied ieħor għat-tim minn St Andrew’s.

ŻRQ Bormla sabu x-xibka wara doppjetta ta’ Mohammed Elamari u gowls ta’ Jovica Milijic u Rodrigo da Silva.

Referees kienu Clinton Cassar u Jude Amin Utulu.

Fl-Enemed Challenger League, Marsaskala Futsal baqgħu jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika wara li għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 10-4.

L-Iskalin kienu dominanti għal ħafna mill-ħin fejn kellhom lil Mohammed Ayoub Ahmad li skorja ħames gowls. Amir Ashtiyani skorja doppjetta filwaqt li Pavlo Bekesha, Alessio Restuccia u Craig Pickard niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Iż-żgħażagħ Maltin skorjaw permezz ta’ Collin Sammut, Benjamin Bonello Ghio, Warren Vella u Jamie Sultana.

Referees kienu Danilo Francalanza u Marco La Rosa.

Ta’ Xbiex kisbu rebħa ta’ 7-5 kontra l-ġirien Sliema Futsal.
Stefi Cale, Liam Caruana u Juan David Bautista skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Christian Wismayer niżżel ismu fost l-iskorers.

Sliema Futsal naqqsu l-iskor wara tripletta ta’ Kevin Sammut u gowls oħra minn Karl Azzopardi u Juan Morales Poveda.

Referees kienu Marco La Rosa u Marco La Rosa.

Gżira United Santa Margherita komplew telgħin fil-klassifika wara rebħa kontra s-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena.

Iż-żgħażagħ Maltin taw logħba lill-Gżirjani fejn ħin minnhom kienu qed jirbħu 2-1. Madankollu, il-Maroons dawru l-iskor favurihom sabiex ħadu t-tliet punti importanti.

Yessous Camilleri skorja erba’ gowls għal Gżira filwaqt li Anthony Spiteri, Ayrton Duncan u Felipe Aguilera kienu wkoll fost l-iskorers.

It-tim ta’ taħt it-18-il sena sabu x-xibka grazzi għall-gowls ta’ Brave Azzopardi (doppjetta), Essien Borg, Russell Borg u Maximilian Tomasuolo.

Referees kienu Stephen Vella u Clinton Cassar.

KLASSIFIKA– ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE

University of Malta ACJ Group 36, Luxol St Andrew’s 31, ŻRQ Bormla 25, Swieqi United FC Futsal 21, Birżebbuġa St Peter’s 18.

KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE

Marsaskala Futsal 19, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 18, Sliema Wanderers FC Futsal 8, Selezzjoni Maltija U19 7, Gżira United Santa Margherita 6 Selezzjoni Maltija U18 3.

Ekonomija

Sport