Saturday, December 21, 2024

Futsal: University of Malta ACJ Group u Luxol jiksbu post fil-finali

Aqra wkoll

University of Malta ACJ Group u Luxol St Andrew’s huma l-finalisti tal-Enemed Futsal League meta fis-semifinali għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom.

Iċ-champions Luxol għelbu lil ŻRQ Bormla 9-2 f’logħba li huma ddominaw għal ħafna ħinijiet. It-tim immexxi minn Gabriel Dobre stabilixxa vantaġġ ta’ 5-1 sa tmiem l-ewwel taqsima u baqa’ konsistenti sabiex kiseb id-dritt li jilgħab fil-finali.

Mark Zammit, Andy Mangion u Jhon Castro Pulido skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Andre Ciancio, Emil Raducu u Jefferson Breno żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Il-Bormliżi kellhom lil Rodrigo da Silva jiskorja doppjetta.

Referees kienu Jacob Van Dijke Willen u Dyon Koene.

University of Malta ACJ Group għelbu lil Swieqi United 10-5 f’logħba sabiħa u mimlija emozzjonijiet.

L-Universitarji kienu 3-2 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima bi Swieqi li dejjem baqgħu mal-avversarji u kien biss fl-aħħar li ċedew.

Raimundo Nonato da Silva skorja tliet gowls, Guillherme Fonseca kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Cleavon Portelli, Kaue Meggiato, Steven Camilleri, Andre Cachia u awtogowl ta’ Brandon Debono niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Għal Swieqi Bryan Stiven skorja doppjetta filwaqt li Brandon Debono, Ryan Muscat u Roller Santiago skorjaw gowl kull wieħed.

Referees kienu Daniele D’Adamo u Nicolo Lerza.

L-Universita ta’ Malta u Luxol jiltaqgħu għall-ewwel finali nhar l-Erbgħa li ġej sabiex il-Ġimgħa ssir it-tieni finali bil-logħbiet jibdew fid-8.45pm.

Mill-banda l-oħra kien hemm ukoll is-semifinali tal-Enemed Challenger League fejn Ta’ Xbiex u Birżebbuġa St Peter’s kisbu post fil-finali.

Ta’ Xbiex għelbu lil Marsaskala 9-1 bil-plejer Kolombjan Juan David Bautista Conde jispikka bi tliet gowls. Stefi Cale, Liam Caruana, Ryan Debono u George Frendo kellhom is-sodisfazzjon li jiskorjaw gowl kull wieħed.

Amir Ashtiyani skorja l-uniku gowl għal Marsaskala.

Referees kienu Andrea Naudi u Marco Orazio La Rosa.

Birżebbuġa St Peter’s xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 5-3.

Armando Gjepali u Dale Vella skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Hamza Harrat żied ieħor għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.

Iż-żgħażagħ Maltin sabu x-xibka permezz ta’ Mason Agius, Robert Malool u Jamie Sultana.

Referees kienu Clinton Cassar u Stephen Vella.

Ekonomija

Sport