Zero Sei Futsal rebħu l-finali tat-Tazza Enemed bl-iskor ta’ 4-1 wara prestazzjoni dominanti kontra Swieqi, fejn ikkontrollaw il-pussess tal-ballun għal ħafna mill-partita.
Mill-bidu nett, Zero Sei kienu l-aktar tim perikoluż, iżommu l-ballun u jibnu l-attakki tagħhom b’paċenzja u kontroll. Min-naħa tagħhom, Swieqi ddefendew tajjeb ħafna u żammew organizzazzjoni soda, speċjalment fil-mumenti fejn Zero Sei kienu qed jagħfsu.
Zero Sei fetħu l-iskor permezz ta’ Honorio Carneiro ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, filwaqt li Cassia rdoppjat minn free kick eċċellenti.
Swieqi kellhom l-aqwa mument tagħhom meta rnexxielhom jiskurjaw permezz ta’ Paula Reino, f’fażi fejn dehru li setgħu jidħlu lura fil-partita. Madankollu, meta kienu fl-aħjar tagħhom, żball difensiv wassal biex Zero Sei skorjaw it-tielet u r-raba’ gowl permezz ta’ Robles u Honorio Carneiro, li effettivament qatgħu kull tama ta’ rimonta.
Fl-aħħar tal-partita, il-Viċi President Nathaniel Jones ippreżenta t-trofew lill-kaptan ta’ Zero Sei Futsal, Espinel Bautista, f’ċerimonja li ċċelebrat rebħa mistħoqqa.


