Sunday, December 22, 2024

ĠERUSALEMM MAL-BAĦAR

Aqra wkoll

Nibqa’ niftakar kif ġurnalist u rumanzier Iżraeli li ġie jarani waqt żjara li għamel f’Malta, fissirli kemm laqtuh id-djar li daħal fihom f’Malta bil-ġonna tagħhom: L-istess bħad-djar li naf jien f’Ġerusalemm…, qal. Biss imbagħad il-kuntrast ma’ dik il-belt hu li f’Malta, malli toħroġ mid-djar, malajr issib ruħek qrib il-baħar. Il-kuntrast deher li għoġbu.

Ma stagħġibtx wisq b’dan it-tixbih peress li l-klima u t-terren naturali (dak li baqa’ minnu f’Malta ta’ lanqas) x’aktarx huma l-istess fiż-żewġ pajjiżi. Dnub li ma nistax nagħmel il-paragun jien innifsi. 

Bqajt ma żortx Iżrael. Il-mod kif il-poplu Palestinjan baqa’ jiġi trattat mill-gvern ta’ Iżrael żammni lura milli nżur, minkejja li l-pajjiż għandu ħafna x’joffri.

Il-problema f’Malta hi li qed jonqsu dejjem aktar l-inħawi li jistgħu jitqabblu ma’ Ġerusalemm. Il-ġonna qed jinqerdu u pajjiżna qed jinbidel fi blokkok ta’ remissi kwadri, psewdo moderni.

ATTENTI

Dax-xahar, fi Brussell u fi Strasbourg, waqt li n-nies ħarġet fit-toroq, kważi kullimkien rajt osservanza sħiħa ta’ dixxiplina sanitarja. Kulħadd deher attent biex isegwi l-miżuri sanitarji kollha ħalli jiġi evitat il-kjass tas-sena li għaddiet bil-lockdown sħiħ tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Fi Brussell ir-restoranti u l-kafejiet kollha għalqu eżatt fil-ħin tal-ħdax ta’ billejl. Kulħadd donnu jaqbel li aħjar hekk, inkella agħar. Dan apparti milli jekk ma jkollokx ċertifikat tal-vaċċin, ma tistax tidħol fi stabbiliment. 

  Sakemm qed nikteb dan, il-Belġju kien irnexxielu jnaqqas bil-kbir ir-rata ta’ infezzjonijiet. Il-pressjoni kibret fuq dawk li ma jridux jieħdu t-tilqima (li minnhom fi Franza u l-Belġju, hemm numru sostanzjali) biex jeħduha.

Apparti mit-tilqim, li l-Maltin donnhom aċċettaw bla tgemgim, konna nkunu f’qagħda aħjar, nemmen, kieku urejna ruħna attenti u dixxiplinati daqs tal-Belġju.

STORJA SOĊJALI

L-istorja soċjali ta’ Malta għad trid tinkiteb b’mod komprensiv u wiesa’ biex tinkludi mhux biss il-bidliet tal-politika soċjali imma wkoll il-modi kif kienu jgħixu s-saffi soċjali differenti. Saru tentattivi f’dan ir-rigward imma ma tawx dehra kontinwa ta’ kif il-ħajja soċjali żviluppat matul id-deċennji. F’ħafna każi, ir-rendikonti mogħtija kienu fin-natura ta’ buzzetti dwar l-għajxien f’naħa jew oħra ta’ Malta, jew fil-ħajja ta’ xi familja.

Neħtieġu aktar minn hekk. U bla dubju, għandna riċerkaturi u ħassieba storiċi li kapaċi jagħmlu dan ix-xogħol b’maestrija. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ storja soċjali tixbah dik li ktibt fuqha hawn xi żmien ilu dwar id-diplomazija. 

  Biss nistħajjel li l-istorja tal-iżvilupp soċjali u kulturali tal-ġens Malti… f’linja mal-istorja tal-iżvilupp politiku u ekonomiku tal-gżejjer Maltin, għandha titqies bħala l-ewwel priorità.

Ekonomija

Sport