Bl-iskop li jkompli jiġi promoss il-volontarjat fost il-komunitajiet lokali u li titrawwem dejjem aktar kultura ta’ inklużjoni, tnediet l-Iskema ‘Komunitajiet Aktar Inklussivi’ għas-sena 2024.
Din l-iskema għandha l-għan li tassisti lill-applikanti biex jimplimentaw proġetti jew inizjattivi li permezz tagħhom jinbnew komunitajiet aktar b’saħħithom sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jirnexxi u tistieden lill- organizzazzjonijiet volontarji biex jipproponu proġetti innovattivi bil-għan li jippromwovu l-inklużjoni. Dan filwaqt li jindirizzaw waħda mill-miri tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Diżabilità jew l-Istrateġija Nazzjonali għall- Volontarjat.
Kull proposta li tkun sottomessa għandha tkun imqabbla ma’ wieħed mill-għanijiet li joħorġu miż-żewġ skemi, filwaqt li għandha ssir referenza speċifika għall-oġġettiv li qed jiġi indirizzat permezz tal-proġett jew inizjattiva li għaliha jkunu qed jinkisbu l-fondi, bl-investiment f’din l-iskema huwa €250,000 u għal kull proġett jista’ jingħata sa massimu ta’ €10,000.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif il-komunitajiet ta’ madwarna huma l-postijiet fejn in-nies iqattgħu l- maġġoranza tal-ħin tagħhom u huwa għalhekk li rridu nassiguraw li jkunu aċċessibbli u inklussivi għal kulħadd, b’mod ugwali.
“Fost l-għeżeż għal kulħadd, il-komunitajiet ta’ madwarna huma dawk li jagħmluna Maltin u Għawdxin. Mill-każini għall-pjazez tal-irħula tagħna, huma joffru post fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu u jintegraw ma’ xulxin. Huwa għalhekk li huwa fl-obbligu tagħna li naċċertaw li dawn il-postijiet ikunu aċċessibbli u inklussivi għal kulħadd,” temmet tgħid il-Ministru.
L-applikazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi online sal-Ġimgħa 3 ta’ Mejju 2024 b’applikazzjonijiet li jidħlu tard ma jiġux ikkunsidrati. Il-formola tal-applikazzjoni, flimkien ma’ aktar informazzjoni jistgħu jinkisbu mis-sit www.vofunding.org.mt.
Kull mistoqsija dwar din l-iskema għandha tintbagħat permezz ta’ email fuq [email protected].
L-għaqdiet li japplikaw jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-iskema kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.