Thursday, April 18, 2024

Għaliex Alex Ferguson kien verament irriżenja minn manager ta’ Manchester United fl-2013?

Aqra wkoll

F’Mejju 2013, Alex Ferguson kien għadu kif rebaħ il-Premier League Ingliż wara li sena qabel kienu rebħuh Manchester City. 

Huwa kellu l-intenzjoni li jibqa’ jmexxi lit-team ta’ Manchester United iżda għall-istaġun sussegwenti ma rnexxielux jiffirmaw żewġ players kbar … biex ġimagħtejn wara ssottometta r-riżenja tiegħu.

Skond id-difensur Franċiż, Patrice Evra, il-manager Skoċċiż kien qed jippjana li jibqa’ fit-tmun għal ftit snin oħra u saħansitra kien qed jippjana biex jagħmel żewġ akkwisti kbar. 

Evra żvela li Cristiano Ronaldo u Gareth Bale kienu l-miri ewlenin hekk kif Ferguson għamel dak kollu fil-poter tiegħu biex jerġa’ jieħu lill-attakkant internazzjonali Portugiż lura f’Old Trafford wara li fis-sajf 2008 kien ingħaqad ma’ Real Madrid. 

“Ġimagħtejn qabel irtira, niftakar li kien hemm ħafna rapporti mill-media Ingliża li kienu qed isostnu lil Ferguson kien se jirtira fis-sena ta’ wara.

“Iżda Ferguson innifsu kien qalli li hu qatt ma kien se jirtira u saħaq li kien se jibqa’ hemm mill-inqas 10 snin oħra.

“Imbagħad qalli: Ninsab 99% li fil-jiem li ġejjin se niffirma lil Cristiano Ronaldo u Gareth Bale. Għandi bżonn lil dawn iż-żewġ players biex nerġgħu nirbħu ċ-Champions League.”

Evra sostna wkoll li kien għamel kuntatt ma’ Ronaldo fejn dan tal-aħħar kien aċċertah li kien se jingħaqad ma’ Manchester United hekk kif kien qed jipprepara biex imur lura f’Old Trafford. 

Iżda matul il-ġranet ta’ wara n-negozjati ma’ Real Madrid kienu sfaxxaw biex iż-żewġ players baqgħu fil-belt kapitali Spanjola. 

Evra ta dettalji ta’ x’ġara eżatt ġimagħtejn wara:

“Darba fost l-oħrajn, xi ġimgħatejn wara, kont sejjer għat-taħriġ bħas-soltu meta fid-daħla ta’ Carrington rajt ħafna ġurnalisti u cameras. 

“U jien ħsibt li xi player għamel xi ħaġa ħażina u poġġa lilna lkoll fl-inkwiet. 

“Meta nżilt mill-karozza, ġejt avviċinat biex nidħol fid-dressing room flimkien ma’ sħabi u kelli nibqa’ hemm. Peró sa dak il-ħin ħadd ma kien jaf x’qed jiġri …. sakemm daħal Ferguson innifsu ….

“B’leħen baxx qalilna li xi nies kienu ħarġu l-aħbar li jien irriżenjajt. Għaldaqstant qal li kien aħjar li jgħidilna huwa stess li kien se jirriżenja minħabba li martu kellha bżonnu.

“Huwa skuża ruħu ma’ kulħadd speċjalment maż-żewġ players Robin van Persie u Shinji Kagawa, għax kien għadu kif iffirmahom.”

Ekonomija

Sport