Hekk kif l-istandards qed jidħlu fl-era diġitali, Malta trid tkun fost l-ewwel pajjiżi li jaħtfu l-opportunitajiet li ġġib magħha din il-bidla. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Business Breakfast organizzat mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għall-Jum Dinji tal-Istandards 2026, bit-tema ‘Digitally Enhanced Standards: Shaping Tomorrow’.
Il-Jum Dinji tal-Istandards jiġi ċċelebrat internazzjonalment kull Ottubru biex jiġi rikonoxxut il-kontribut tal-istandards għas-sigurtà, għall-kummerċ, għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp sostenibbli.
L-istandards huma regoli ta’ prattika tajba li jiżguraw li prodotti u servizzi jkunu siguri, affidabbli u adattati għall-għan tagħhom. Tradizzjonalment jiġu ppubblikati f’dokumenti twal li n-negozji jridu jinterpretaw. L-istandards diġitali se jibdluhom f’informazzjoni intelliġenti fejn tkun aktar faċli biex tinżamm aġġornata, biex tfittex, kif ukoll jwasslu għal tnaqqis fil-burokrazija u fl-ispejjeż filwaqt li jsaħħu s-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumaturi. Permezz tal-Istitut għall-Istandards u l-Metroloġija, l-MCCAA se tkompli tappoġġa lin-negozji Maltin biex jadattaw għal din il-bidla.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti indirizza l-avveniment imtella’ mill-MCCAA li ġabar flimkien rappreżentanti tal-industrija, esperti fl-istandards, regolaturi u akkademiċi. Fost il-kelliema kien hemm Dr Scott Steedman tal-British Standards Institution, il-korp nazzjonali tal-istandards tar-Renju Unit, u Christoph Winterhalter tal-Istitut Ġermaniż għall-Istandardizzazzjoni, il-korp nazzjonali tal-istandards tal-Ġermanja. Wara d-diskorsi saret panel discussion b’rappreżentanti mis-settur regolatorju, mill-industrija u mill-akkademja f’Malta.
Id-diskussjoni ffukat fuq il-bidla globali minn standards maħruġa tradizzjonalment għal sistemi aktar diġitali u faċli. L-istandards diġitali jiffaċilitaw it-tfittxija, javżaw dwar bidliet u jintegraw mal-għodod diġà użati minn professjonisti. Dan ix-xahar, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) qed tibda tniedi dawn l-istandards globalment fuq bażi limitata (soft launch), bl-ewwel standards ikunu l-ISO 9001 dwar il-ġestjoni tal-kwalità u l-ISO 14001 dwar dik ambjentali.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li l-istandards ibbażati fuq id-dejta jistgħu jwasslu għal aktar tisħiħ fil-protezzjoni tal-konsumatur u jagħtu lin-negozji Maltin aċċess aktar mgħaġġel u faċli għar-rekwiżiti Ewropej, kif ukoll li jissimplifikaw il-konformità. Il-Ministru tenna wkoll l-impenn ta’ Malta li tikkontribwixxi b’mod attiv fit-tfassil tal-istandards internazzjonali, u mhux sempliċiment li tadottahom.
Iċ-Chairperson Eżekuttiva tal-MCCAA, Carmen Ciantar qalet li l-Awtorità se tkun qed tmexxi din it-tranżizzjoni b’ħidma mill-qrib ma’ sħab Ewropej u internazzjonali. Hija enfasizzat li l-istandards diġitali flimkien mal-iskemi ImportaMT u Trust You huma parti mill-ħidma kontinwa tal-Awtorità favur konsumatur aktar sigur u negozju aktar b’saħħtu. “Kull inizjattiva li naħdmu fuqha għandha l-għan li tgħin lin-negozju u tipproteġi lill-konsumatur fl-istess ħin. Kull pass ’il quddiem li tieħu l-Awtorità huwa pass lejn konsumatur aktar sigur u negozju aktar b’saħħtu,” temmet tgħid is-Sinjura Ciantar.

