Transport Malta tiffirma ftehim ma’ Norwegian Cruise Line Holdings għall-provvista tal-elettriku mix-xatt

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Transport Malta u Norwegian Cruise Line Holdings iffirmaw Shore Power Purchase Agreement, ftehim għax-xiri tal-elettriku li jippermetti lill-vapuri tal-kruċieri tal-imsemmija kumpanija jitqabbdu man-network tal-elettriku ta’ Malta waqt li jkunu rmiġġati fil-port.

Dan il-ftehim se jgħin biex titjieb il-kwalità tal-arja għall-komunitajiet tal-madwar billi jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri waqt li jkunu fil-port.

Permezz tal-proġett Shore-to-Ship, il-vapuri tal-kruċieri jistgħu jieħdu l-elettriku mix-xatt biex iħaddmu s-servizzi abbord, fosthom id-dawl u l-arja kkundizzjonata. B’hekk titnaqqas il-ħtieġa li jitħaddmu l-magni abbord waqt li l-vapuri jkunu fil-port, u jonqos it-tniġġis li jiġġeneraw waqt li jkunu rmiġġati.

Dan huwa r-raba’ ftehim għall-provvista tal-elettriku mix-xatt iffirmat minn Transport Malta. Il-ftehim ikompli jżid l-użu tal-infrastruttura lokali għall-provvista tal-elettriku mix-xatt u jsaħħaħ il-koperazzjoni mal-operaturi tal-kruċieri biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-attività fil-port.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Leonid McKay u mid-Direttur tal-Operazzjonijiet Nawtiċi ta’ Norwegian Cruise Line Holdings Cristian Cutugno, fil-preżenza tal-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett u ċ-Chief Officer tad-Direttorat tal-Portijiet u l-Yachting u l-Harbour Master il-Kaptan Fritz Farrugia, waqt il-konferenza Decarbonising The Future (DTF), li qiegħda ssir f’Malta bejn it-12 u l-14 ta’ Ottubru 2026.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett qal li dan il-ftehim juri kif l-investiment fl-infrastruttura marittima jista’ jkun ta’ benefiċċju kemm għall-industrija kif ukoll għall-komunitajiet lokali. Huwa żied jgħid li l-iżvilupp tal-industrija marittima ta’ pajjiżna għandha tkun sostnuta minn infrastruttura moderna li ttejjeb l-effiċjenza, issaħħaħ il-kompetittività u tikkontribwixxi għall-ambjent aktar nadif għar-residenti u l-viżitaturi.

 Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Leonid Mckay saħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-operaturi marittimi biex jiġi żgurat li l-investiment f’teknoloġija aktar nadifa jwassal għal riżultati tanġibbli. “ 

Id-Direttur tal-Operazzjonijiet Nawtiċi ta’ Norwegian Cruise Line Holdings Cristian Cutugno stqarr li hekk kif il-kumpanija qed tiżviluppa l-flotta tal-vapuri tal-kruċieri tagħha għall-futur, is-sistema ta’ Malta għall-provvista tal-elettriku mix-xatt, unika fil-Mediterran, ħarġet bħala għażla naturali għall-operat tagħha.

 Il-ftehim jifforma parti mill-ħidma kontinwa ta’ Malta biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-attività marittima, filwaqt li jkompli jiġi appoġġjat l-iżvilupp tas-servizzi tal-kruċieri u tal-portijiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport