Il-Gvern qiegħed isegwi t-tħassib dwar iż-żieda fil-preżenza tal-bagħal taż-żunżan, magħruf ukoll bħala l-Oriental Hornet, u l-impatt negattiv li qed ikollu fuq il-kolonji tan-naħal f’Malta.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo, fisser kif tul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru ħa diversi miżuri biex itejjeb l-għarfien dwar dan l-insett u jgħin lil dawk li jrabbu n-naħal.
Dawn il-miżuri kienu jinkludu kollaborazzjoni teknika ma’ espert fil-qasam, it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ materjal informattiv dwar l-identifikazzjoni, iċ-ċiklu tal-ħajja u l-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għan-naħħala.
Permezz tal-AgriConnect ġie wkoll ikkomunikat disinn ta’ nassa li tista’ tinbena u tintuża lokalment. Din in-nassa ġiet addottata minn numru ta’ dawk li jrabbu n-naħal u ntużat bħala għodda biex titnaqqas il-pressjoni ta’ dan l-insett.
Il-Gvern introduċa wkoll skema ta’ għajnuna finanzjarja għal dawk irreġistrati li jrabbu n-naħal sabiex tikkumpensa parzjalment għat-telf finanzjarju u għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, filwaqt li tappoġġa miżuri preventivi, inkluż ix-xiri u t-tqegħid ta’ nases.
Il-Ministru Refalo qal li l-metodi ta’ trażżin huma bbażati prinċipalment fuq miżuri fiżiċi u preventivi. Dawn jinkludu l-użu ta’ nases adattati, partikolarment sabiex jinqabdu l-irġejjen fil-perjodu opportun, kif ukoll it-tneħħija professjonali tal-bejtiet. L-iskart organiku jew l-ikel għall-annimali espost, kif ukoll it-tmigħ tal-annimali f’postijiet pubbliċi, jistgħu jattiraw dan l-insett u jikkontribwixxu għall–preżenza u t-tixrid tiegħu.
Il-Ministeru qiegħed iżomm kuntatt kontinwu permezz tal-fora stabbiliti u permezz ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tas-settur tal-apikultura dwar l-impatt tal-bagħal taż-żunżanu l-miżuri meħtieġa. Matul dawn id-diskussjonijiet ġie rikonoxxut li n-nases jibqgħu għodda utli biex titnaqqas il-pressjoni ta’ dan l-insett, però mhux biżżejed.
Għalhekk, il-Ministeru qed ikompli jevalwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tas-settur, filwaqt li qed jikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ miżuri ulterjuri, inkluż il-kontroll tal-bejtiet ta’ dan l-insett fiż-żoni urbani, it-tnaqqis tal-fatturi li jiffavorixxu l-proliferazzjoni tiegħu, kif ukoll l-għoti ta’ appoġġ lin-naħħala biex isaħħu u jirkupraw il-kolonji tan-naħal.
“L-esperjenza tas-snin riċenti tindika li l-miżuri meħuda għandhom jiġu kkumplimentati b’approċċ aktar mifrux u ikkoordinat li jindirizza wkoll il-preżenza tal-bagħal taż-żunżan f’żoni urbani u residenzjali,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

