Tuesday, April 30, 2024

“Għandhom jiħraxu l-pieni f’każi ta’ vjolenza fuq il-Pulizija” – L-MPU

Aqra wkoll

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Police Union fi stqarrija maħruġa esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-fatt li l-inċidenti vjolenti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija għadhom qegħdin iseħħu b’mod allarmanti f’pajjiż suppost ċivilizzat. 

Il-Kumitat ifakkar fid-diversi stqarrijiet għall-istampa li ħareg kif ukoll fid-diversi drabi fejn ħeġġeġ sabiex jiħraxu l-pieni sabiex jinkludu terminu ta’ priġunerija mandatorja għal min jinstab ħati ta’ reati simili, li huma reati kontra s-soċjeta. 

L-MPU qiegħda titlob emendi fil-Kapitolu Kriminali għaliex jidher li kif inhi s-sistema legali fil-preżent, mhix tiffunzjona sew għaliex dawn l-inċidenti qegħdin iseħħu iktar ta’ spiss.

L-istqarrija tkompli li l-membri tal-Korp qegħdin ikunu demotivati fuq xogħolhom għaliex iħossu li mhumiex protetti biżżejjed mil-Liġi. L-MPU fakkret li membru tal-Korp m’għandu l-ebda tip ta’ assikurazzjoni li tkoprih għaliex it-talbiet li ilha tagħmel sa mill-2004 għadhom ma ġewx milqugħin. “Mhuwiex aċċettabbli li sabiex membru tal-Korp, jieħu xi kumpens, irid jew imut jew inkella jsofri diżabbilità permanenti skond l-’Occupational Personal Accident Scheme’ li ħareġ il-Gvern biex ikun sar xi ħaga,” kompliet l-MPU. 

Il-Union temmet issellem lill-uffiċjali kollha li ġew aggrediti waqt il-qadi tad-dmirijiethom, u rringrazzjathom u awguratilhom li jirritornaw għax-xogħol sabiex ikomplu jagħtu servizz liċ-ċittadin u l-pajjiż. 

Sport