Bħala n-negozjatur tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat għas-Suq Intern tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba ppreżenta 342 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Att tan-Networks Diġitali (Digital Networks Act) bl-għan li jbiddel b’mod sostanzjali d-direzzjoni tagħha.
Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi regoli ġodda għas-suq Ewropew tat-telekomunikazzjoni, iżda fl-istess ħin tnaqqas is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali indipendenti li llum jissorveljaw is-suq u jħarsu l-kompetizzjoni. L-emendi ta’ Agius Saliba għandhom l-għan li jsaħħu dawn l-awtoritajiet sabiex ikomplu jaġixxu b’mod ġust, miftuħ u kompetittiv.
Jekk ir-regolaturi jiġu limitati fil-poteri tagħhom, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jkollhom aktar spazju għall-prattiċi li jnaqqsu l-kompetizzjoni, b’impatt dirett fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kwalità tas-servizz u, fl-aħħar mill-aħħar, il-prezzijiet li jħallsu ċ-ċittadini għas-servizzi tal-mobile u tal-internet.
Alex Agius Saliba spjega kif “ħafna mill-ilmenti li nirċievi mingħand iċ-ċittadini Maltin huma marbuta mal-mod kif jiġu trattati mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. Dawn il-kumpaniji ħafna drabi jfittxu li jduru mar-regoli, filwaqt li s-servizz mhux dejjem jilħaq il-livell mistenni. Fortunatament, f’Malta għandna tliet operaturi li jikkompetu bejniethom, flimkien ma’ regoli Ewropej u awtoritajiet nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-konsumaturi. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea qed iddgħajjef dawn is-salvagwardji. Huwa għalhekk li ressaqt aktar minn 300 emenda biex nibdlu b’mod sostanzjali din il-proposta.”
L-emendi jipproponu wkoll li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u estiża wkoll għan-negozji ż-żgħar. Barra minn hekk, jinkludu wkoll miżuri li jsaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fis-settur tat-telekomunikazzjoni u jagħtu aktar importanza lis-servizzi tat-telefown għall-emerġenza fil-qafas leġiżlattiv Ewropew.
L-akbar differenza bejn il-proposta ta’ Agius Saliba u dik tal-Kummissjoni Ewropea hija l-viżjoni għas-suq Ewropew tat-telekomunikazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni tidher li qed timxi lejn suq iddominat minn ftit operaturi Ewropej kbar, Agius Saliba qed jisħaq li s-swieq nazzjonali għandhom jibqgħu bbażati fuq kompetizzjoni effettiva bejn diversi operaturi sabiex il-konsumaturi jibbenefikaw minn servizzi aħjar bi prezzijiet ġusti.
Huwa temm jgħid kif “ma nistgħux naċċettaw li l-Kummissjoni jkollha veto fuq deċiżjonijiet dwar mergers, għax dan jista’ jwassal biex is-suq Ewropew jispiċċa f’idejn numru żgħir ħafna ta’ operaturi dominanti. F’Malta dan jista’ jfisser aktar konċentrazzjoni fis-suq tagħna, aktar poter għall-kumpaniji, inqas għażla għall-konsumaturi, servizz agħar u prezzijiet ogħla. Nemmen f’suq kompetittiv u regolarizzat.”









