Il-media ta’ Alex Borg tipprova tqarraq biex tgħatti l-korruzzjoni ta’ żmien GonziPN

- Il-Partit Laburista

0
1

Il-Partit Laburista jinnota li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel tentattiv biex jipprova jaħbi l-iskandlu taż-żejt li seħħ fi żmien Gvern Nazzjonalista.  Iżda l-fatti juru mod ieħor.

Wara li lbieraħ il-media tal-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Alex Borg, qalet li l-iskandlu taż-żejt kien ballun politiku tal-Partit Laburista, ta’ min ifakkar li dan l-iskandlu kien inkixef mill-media indipendenti fl-2013.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħti l-impressjoni li mhux veru kien hemm korruzzjoni f’dan il-każ, minkejja li l-Maġistrat li ddeċidiet il-każ sostniet fis-sentenza li “George Farrugia ikkorrompa uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta u s-soċjetà Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited”. 

Huwa minnu li l-Qorti sostniet li mhix konvinta mill-kredibilità ta’ George Farrugia f’dak li qal fir-rigward ta’ ħutu, imma fakkret li dan ingħata maħfra presidenzjali biex jikxef kollox fuq dan il-każ ta’ korruzzjoni. 

Il-fatt li George Farrugia ngħata maħfra presidenzjali minn Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi jikkonferma li mhu veru xejn li dawn huma stejjer li nefaħ il-Partit Laburista. Li kieku ma saritx korruzzjoni, il-maħfra ma kienx hemm għalfejn tingħata lil Farrugia minn Gonzi.

Il-Partit Laburista jirrimarka li l-spin u l-qerq tal-medja ta’ Alex Borg joħorġu aktar ċari meta wieħed jaqra s-sentenza tal-Qorti, għax jidher li kien George Farrugia nnifsu l-prim attur wara l-att ta’ korruzzjoni u li ħutu ma kienux jafu b’dak li kien qed jagħmel anke kultant f’isimhom. 

Is-sentenza tgħid li “l-unika persuna li jirriżulta li fiż-żmien rilevanti kellha xi forma ta’ konoxxenza ta’ dan li kien qed jiġri kienet Catherine Farrugia, l-mara ta’ George Farrugia, li meta xehdet f’dawn il-proċeduri provat timminizza r-rwol tagħha fl-operazzjoni mmexxija minn żewġha”. 

Fatt ieħor importanti li joħroġ mis-sentenza tal-Qorti hija li jingħad li “tant George Farrugia għandu x’jaħbi li minkejja li kien ordnat mill-Qorti u li minkejja li huwa protett mill-maħfra presidenzjali li torbtu li jixhed kollox, huwa qatt ma eżebixxa statement tal-kont li Aikon kellha ġewwa l-Isvizzera”. Aikon hija l-kumpanija li permezz tagħha George Farrugia kien igħaddi l-flus biex jinfluenza x-xiri taż-żejt.

B’hekk mis-sentenza tal-Qorti huwa ċar li l-mod kif kien qed isir ix-xiri taż-żejt fi żmien Gvern Nazzjonalista kien hemm atti kriminali.  Fi żmien GonziPN, il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna kien żdied bid-doppju taż-żieda fil-bqija tal-Ewropa. 

Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni attwali f’pajjiżna, li huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa bi stabbiltà fil-prezz tal-fjuwil, mentri madwar l-Ewropa hawn żidiet qawwija. 

Għall-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jqarraq bin-nies bi spin tal-media Nazzjonalista li qed tgħid li l-korruzzjoni kienet biss storja vvintata mill-Partit Laburista. 

Wara 13-il sena fl-Oppożizzjoni u l-bidla ta’ ħames Kapijiet, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ ma jinbidilx għax hu maħkum mill-istess klikka ta’ żmien GonziPN.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here