“Kif tkellimt ftit tal-ġimgħat ilu, issa għandna konferma li pajjiżna laħaq qabel iż-żmien il-miri finanzjarji li għamilna bħala Gvern. Naqqasna d-defiċit taħt it-3% ferm qabel dak miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea u komplejna nniżżlu r-rata ta’ dejn f’pajjiżna għal-livelli aktar baxxi.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ fuq il-midja soċjali fejn iddikjara li pajjiżna għandu finanzi u ekonomija b’saħħithom. Qal li bis-saħħa t’hekk nistgħu nkomplu nilqgħu għal dak kollu li se jaffettwana minħabba l-klima diffiċli illi teżisti internazzjonalment.
“Għax iva, il-gwerer, il-problemi fis-suq tal-enerġija jaffettwaw lid-dinja kollha, lill-Ewropa u naturalment anke lilna. Bid-differenza li aħna bħala pajjiż nifilħu għal dak li ġej. Anzi, għandna l-enerġija u s-saħħa illi nkomplu nwettqu dak kollu li wegħednikom u saħansitra aktar,” tenna l-Prim Ministru.
“Se nibqgħu ffukati fuq li nsostnu lilek u lill-għeżież tiegħek. Iva, għandna l-prinċipji tas-sostenn u tal-inċentiv. Fejn iva nilħqu l-miri finanzjarji tagħna imma mhux b’awsterità imma b’ekonomija li tiġġenera l-ġid. Fejn bis-saħħa t’hekk nagħtu stabbiltà u serħan il-moħħ.”
“Għalhekk ir-riżultat li kien ikkonfermat ikompli jagħtina l-ispazju biex insostnu l-għajnuna u nwettqu proġetti li jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies. Ħalli hekk inkomplu nagħtukom ħajja aħjar u tgħixu f’Malta Aqwa,” temm jgħid Dr Abela.


