“L-isfidi madwar id-dinja huma kbar. Pajjiżi oħra qed jogħtru. Iżda dan il-poplu mhu se jesperjenza xejn minn dan għaliex il-finanzi tagħna huma b’saħħithom.” Dikjarazzjoni b’saħħitha li għamel il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt li l-Erbgħa li għadda ta ħarsa lejn ir-riżultati finanzjarji ta’ Malta għas-sena 2025. Dikjarazzjoni li tixhed kif il-poplu Malti u Għawdxi għandu s-serħan il-moħħ li l-finanzi tal-pajjiż jinsabu fuq sisien sodi, bi Gvern li jaf x’inhu jagħmel u jaf fejn sejjer. Qed ngħidu dan għaliex pajjiżna mhux talli qed jilħaq il-miri ekonomiċi tiegħu iżda saħansitra qiegħed jissuperahom.
Fil-fatt, filwaqt li l-mira tal-Gvern għall-2025 kienet dik li d-defiċit jinżel għal taħt it-3.3%, din mhux talli ntlaħqet iżda l-Gvern għalaq is-sena tiegħu 1.1 punti perċentwali aħjar. Dan filwaqt li għas-snin li ġejjin, id-defiċit mistenni jkompli jitjieb b’mod kostanti, minn 2.2% fl-2025 għal surplus ta’ 0.1% sal-2029.
Dwar il-piż tad-dejn, dan niżel għal 46.4% fl-2025 waqt li fis-snin li ġejjin, dan il-piż mistenni jkompli jonqos għal 38.9% sal-2030. Dan ifisser, kif spjega l-Ministru Caruana, li l-piż tad-dejn f’pajjiżna se jerġa’ jinżel għal dak li kien lura f’nofs id-disgħinijiet.
U quddiem dan kollu, f’kuntest fejn pajjiżi oħra qed jaffaċċjaw pressjonijiet kbar biex inaqqsu n-nefqa tal-Gvern, Malta qiegħda tagħżel li tuża r-riżorsi tagħha b’mod strateġiku biex tkompli tipproteġi lill-familji u lin-negozji. Jekk inħarsu lejn pajjiżi oħra Ewropej, is-sitwazzjoni hi kompletament differenti, fejn f’xi pajjiżi qed ikun hemm dibattitu intens dwar kif għandu jiġi ristrett l-infiq pubbliku biex jiġi kkontrollat id-defiċit.
Min-naħa l-oħra, Malta qiegħda tispikka bħala ekonomija reżiljenti, li qiegħda tagħmel għażliet politiċi responsabbli li fl-aħħar mill-aħħar qed jagħtu riżultati konkreti. Bla dubju ta’ xejn, il-poplu Malti għandu għalxiex jieħu gost b’dawn ir-riżultati għaliex jassiguraw li jkompli l-investiment fil-familji u n-negozji f’pajjiżna.
Dawn ir-riżultati jingħaqdu wkoll maċ-ċertifikati pożittivi li qed tingħata Malta minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali rispettati u l-previżjonijiet għal pajjiżna jindikaw li t-tkabbir ekonomiku mistenni li jibqa’ wieħed robust. Huwa għalhekk li rridu napprezzaw fejn wasalna iżda fl-istess ħin nibqgħu konxji li dan il-progress jeħtieġ li jkompli jiġi mħares.


