Tuesday, April 23, 2024

“Għawdex ġie allokat l-akbar budget fl-istorja” – il-Ministru Clint Camilleri

Aqra wkoll

Fil-budget għas-sena 2022, il-Ministeru għal Għawdex qed jiġi allokat xejn inqas minn €27 miljun għal proġetti kapitali. Dan ifisser żieda ta’ €5 miljun meta mqabbel mal-budget għal din is-sena. 

F’konferenza stampa li matulha semma għadd ta’ inizjattivi li se jkunu qegħdin jiġu ffinanzjati mill-budget 2022, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li Għawdex ġie allokat l-akbar budget fl-istorja.

“Il-programm vast ta’ proġetti infrastrutturali kif ukoll investimenti li qed isiru se jservu sabiex l-ekonomija Għawdxija tkun aktar reżiljenti, dinamika u tirpilja aktar malajr mill-effetti tal-pandemija globali sabiex fl-aħħar mill-aħħar tkompli toħloq opportunitajiet ġodda,” qal il-Ministru Camilleri.

Huwa qal li se jitkomplew l-employment refund scheme u t-teleworking scheme fost oħrajn. Semma wkoll kif il-Ministeru għal Għawdex ħareġ skema fejn diversi għaqdiet mhux governattivi ngħataw l-għajnuna finanzjarja biex jimmodifikaw is-sede tagħhom sabiex jospitaw il-konferenzi. B’hekk se jiżdiedu n-numru ta’ postijiet li kapaċi jospitaw dawn it-tip ta’ attivitajiet. 

Il-Ministru Camilleri qal ukoll li biex tkompli tittejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, se jiġu immodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija u se ssir ħidma fuq il-konnessjoni permezz tal-ajru.

Huwa qal ukoll li: “komplejna bil-programm ambizzjuż b’investiment fl-infrastruttura, ir-riġenerazzjoni ta’ pjazez u bajjiet, titjib tal-faċilitajiet, immodernizzar fl-infrastruttura kemm dik rurali u residenzjali u l-konnettività ta’ Għawdex mal-bqija tad-dinja.”

€11-il miljun allokati għal kostruzzjoni u titjib ta’ toroq f’Għawdex

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li sa Settembru li għadda tlestew xejn inqas minn 34,000 metru kwadru ta’ toroq ġodda. Għall-2022 ġew allokati €11-il miljun għal kostruzzjoni u titjib ta’ toroq.

Se jinbeda wkoll ir-restawr tal-fdalijiet tal-akwadotti li jinsabu fil-konfini tar-Rabat, Għawdex.

B’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsilli Lokali nbdiet ir-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Munxar u ftit tal-ġimgħat oħra se tibda wkoll ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Sannat.

Il-Ministru Camilleri semma wkoll li ftit tal-ġimgħat oħra se tibda topera l-ewwel reverse osmosis iddisinjata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġewwa Ħondoq ir-Rummien, il-Qala b’investiment ta’ €11-il miljun.

Huwa spjega wkoll li: “biex inkomplu x-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv f’Għawdex dan il-budget reġa’ alloka €6 miljun aktar biex issa nidħlu fl-aħħar fażijiet li qed isiru f’dan iċ-ċentru.”

Permezz ta’ dan l-investiment l-Għawdxin se jkunu jistgħu jgawdu minn pixxina ta’ daqs Olimpiku kif ukoll Padiljun Sportiv ġdid fil-qalba tar-Rabat li jinkludi żona ddedikata għall-ġinnastika, tliet squash courts, padiljun tal-basketball u numru ta’ kmamar oħra intiżi biex jgħinu lill-għaqdiet sportivi Għawdxin. 

“Dan huwa l-akbar investiment għall-qasam sportiv li qatt sar f’Għawdex,” qal il-Ministru Camilleri. “Huwa maħsub ukoll li dan il-kumpless jintuża għal skop ta’ tagħlim.”

Apparti minn, qed ikunu allokati €2.5 miljuni oħra sabiex jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-Mużew ta’ Għawdex. Ġie spjegat li x-xogħol fuq dan il-Mużew miexi b’ritmu tajjeb ħafna u li dan se jkun wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin f’Għawdex li jattira turiżmu aktar speċifiku u ta’ kwalità.

Il-Ministru Camilleri qal ukoll li Għawdex ingħata allokazzjoni ta’ aktar minn €1 miljun biex ikomplu jippromwovu u jiżviluppa l-prodott turistiku tiegħu u iktar minn €1 miljun oħra biex itejjeb l-attivitajiet u l-inizjattivi kulturali.

Tlestew ix-xogħlijiet strutturali f’Villa Lauri

Intant, il-Ministru Clint Camilleri ħabbar ukoll li tlestew ix-xogħlijiet strutturali f’Villa Lauri. “Matul din is-sena ħarġu s-sejħiet għall-offerti għal xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi kif ukoll tal-finishings u l-furnishing biex hekk kif l-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti jkun komplut wieħed ikompli għaddej bix-xogħol u naraw li din l-akkomodazzjoni għall-istudenti Għawdxin u għall-qraba tal-pazjenti ġewwa Birkirkara tkun qiegħda tinfetaħ ukoll.” 

Huwa żied jispjega wkoll li Għawdex ġie allokat €2.3 miljun għal servizzi fil-komunità sabiex tkompli tissaħħaħ l-inklużjoni fil-gżira ta’ Għawdex.

Huwa enfasizza wkoll li: “għall-ewwel darba u permezz ta’ dan il-budget, se nindirizzaw bis-sħiħ ir-rijabilitazzjoni ta’ postijiet antiki f’Għawdex. Ir-rifużjoni tal-VAT fuq ir-restawr ta’ dawn il-proprjetajiet tkompli ssaħħaħ il-messaġġ favur il-konservazzjoni tal-karattru arkitettoniku ta’ pajjiżna.

“Il-first time buyers li jixtru proprjetà vakanti UCA jew bi stil tradizzjonali f’Għawdex se jirċievu grant doppju ta’ xejn inqas minn €30,000. Din hija miżura importanti biex inħeġġu aktar żgħażagħ u koppji Għawdxin biex jibnu l-futur tagħhom ġewwa Għawdex,” tenna l-Ministru Clint Camilleri.

Sport