Saturday, November 16, 2024

“Għawdex se jkun il-mutur ekonomiku tal-prosperità l-ġdida ta’ pajjiżna” – Il-PM

Aqra wkoll

“Se jkun minn hawn li se jitilqu bidliet kbar għal pajjiżna. Minn hawn se naċċelleraw il-qalba ambjentali. Minn hawn se ntellqu l-qalba diġitali. Għalhekk fit-tmienja ta’ Ġunju l-Għawdxin tridu tibagħtu sinjal ċar favur dan il-Gvern.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela quddiem folla sabiħa waqt attività politika fin-Nadur.

Dr Abela saħaq li l-Partit Laburista ppreżenta manifest bi pjan ċar kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-kunsilli lokali, sabiex il-poplu jarah, japprovah u jkun jista’ jiġġudika fuqu, bħalma qed jagħmel fuq l-elf proposta ta’ Malta Flimkien.

“Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ġie quddiemkom bla pjan. Kif tridhom jaqblu fuq xi pjan meta maqsumin f’mitt fazzjoni. Tarahom flimkien biss biex jiddikjaraw xi gwerra. Għax l-unika ħaġa li ġġibhom flimkien hija l-mibegħda,” saħaq Dr Abela.

Il-Prim Ministru semma li din il-ġimgħa reġa’ ħareġ rapport pożittiv ieħor mill-Kummissjoni Ewropea fejn Malta reġgħet tinsab fil-quċċata. Għall-kuntrarju, fi żmien gvern nazzjonalista konna niġu fil-quċċata fiż-żieda fil-prezz tal-enerġija.

Dr Abela semma uħud mill-kisbiet ta’ Gvern Laburista f’Għawdex fosthom irdoppja l-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu mal-privat, ġab l-akbar investiment dirett barrani li qatt ra Għawdex, setturi b’saħħithom. Saħaq li l-Gvern impenjat li Għawdex ikun il-mutur ekonomiku tal-prosperità l-ġdida ta’ pajjiżna.

Tkellem ukoll fuq is-settur tas-saħħa f’Għawdex fejn semma li bdew isiru interventi tal-kardjoloġija f’Għawdex ukoll. Saħaq li impenjati li jkomplu jnaqqsu l-iskariġġ għall-Għawdxin u se jkomplu jġibu f’Għawdex l-aqwa servizzi tas-saħħa.

Dr Abela saħaq ukoll li l-Partit Laburista għandu pjan ċar għal kull lokalità inkluż għan-Nadur fejn semma uħud mill-inizjattivi, fosthom li se jittejjeb l-aċċess għall-bajjiet, klinika ġdida, il-faċilitajiet tal-iskola għar-residenti wara l-ħin, fost oħrajn. “Aħna lil Għawdex inħobbuh. Għalina intom art li jixirqilha suċċess,” sostna Dr Abela.

Meta kien qed jitkellem fuq il-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru saħaq li l-politika Ewropea tagħna hija ċara għax ibbażata fuq twemmin u se nkunu sodi ma’ dak li nemmnu fih. Tenna li rridu Ewropa li tħares il-ġustizzja soċjali u mhux trid iżżid in-nefqa fuq id-difiża u għal dak se jivvutaw il-Membri Parlamentari Laburisti. Tenna li se naħdmu għal Ewropa ta’ paċi, għal Ewropa li tkabbar ix-xogħol u l-kwalità tal-ħajja.

“Il-kandidati li għandna għall-Parlament Ewropew kollha jemmnu fikom, fil-bżonnijiet tagħkom u l-aspirazzjonijiet tagħkom. Il-kandidati Laburisti deħlin biex ikunu t-tarka tagħkom. Li tkun tħobb lil pajjiżek u lill-ġens tagħna. Huwa dak li jagħmilna dak li aħna. L-ebda sfida ma taqtalna qalbna. Kull kriżi tqawwi fina l-ħuġġieġa tat-twemmin tagħna, li nkunu hemm għaż-żgħir, li nwettqu l-ħolm ta’ dawk li jirsistu u li nagħmlu dan il-pajjiż l-għira tad-dinja,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport