Wednesday, April 24, 2024

Għawdex se jkun parti importanti minn EuroPride Valletta 2023

Aqra wkoll

F’Settembru li ġej, Għawdex se jkun qed jingħaqad mal-kumplament taċ-ċelebrazzjonijiet waqt il-EuroPride Valletta 2023.

Waqt konferenza fir-Rabat Għawdex, il-Ministru Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg taw dettalji dwar l-involviment importanti tal-gżira Għawdxija f’dan l-avveniment internazzjonali li qed isir f’pajjiżna għall-ewwel darba.

Fid-9 ta’ Settembru li ġej se tittella’ l-Pride March f’Għawdex fejn Maltin u Għawdxin, flimkien ma’ għadd ta’ barranin li se jaslu f’pajjiżna għal EuroPride, jagħmlu din il-mixja simbolika favur id-diversità u l-inklużjoni, b’festa ta’ kuluri u mużika.

Il-Pride March se jkun segwit minn kunċert spettakolari taħt id-direzzjoni artistika ta’ Glen Vella, bis-sehem ta’ aktar minn għoxrin artist, fosthom il-Versatile Band, il-grupp Mara, J Anvil u diversi oħrajn.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “wara l-avvanzi kbar li għamilna bħala pajjiż, tant li fid-drittijiet LGBTIQ+ ninsabu fuq quddiem nett fid-dinja, illum b’sodisfazzjon ħabbarna li l-EuroPride 2023 se tkun qed tiġi ċċelebrata wkoll f’Għawdex.” Huwa temm billi stqarr li Għawdex iħares ’il quddiem għal dan l-avveniment ta’ mħabba li jiċċelebra l-ugwaljanza.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet fuq l-importanza li kulħadd ikun involut f’din iċ-ċelebrazzjoni li se timmarka l-istorja ta’ Malta fil-qasam tad-drittijiet soċjali.

“EuroPride Valletta 2023 hija opportunità għall-Maltin u l-Għawdxin kollha biex l-ewwel nett nuru l-kisbiet li rnexxielna nagħmlu bħala pajjiż, iżda se sservi wkoll ta’ eżempju għal pajjiżi oħra f’mument fejn id-drittijiet ċivili qed jiġu mhedda f’ċertu żoni tad-dinja. Il-Pride March u l-kunċert mużikali f’Għawdex se jissarrfu f’pont bejn iż-żewġ gżejjer biex l-EuroPride tassew iġib għaqda u aktar ugwaljanza fostna”, tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Sport