Għaxaq Wolves AFC ġew iddikjarati bħala ċ-champions tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara d-draw ta’ 2-2 kontra Marsa St Michael, riżultat li kien biżżejjed biex jiżguraw it-titlu logħba qabel tmiem l-istaġun.
Dan id-draw ikkonferma d-dominanza ta’ Għaxaq Wolves f’din l-assoċjazzjoni, hekk kif rebħu r-raba’ kampjonat konsekuttiv tagħhom u komplew jiktbu storja notevoli wara t-tlugħ tagħhom mit-tielet Diviżjoni sal-ogħla livell.
Marsa St Michael marru fil-vantaġġ permezz ta’ Coutinho Junior Joao Marcello fit-28 minuta, iżda Geonaga Cervantes Bryan Alfredo ġab id-draw għal Għaxaq fil-35 minuta. Fit-tieni taqsima, Zvezden Vukovic poġġa lil Għaxaq fil-vantaġġ fil-65 minuta, iżda Marsa salvaw punt fil-ħin miżjud meta Ayoubah Fona skorja fit-72 minuta.
Il-preżentazzjoni tat-trofew se ssir fis-16 ta’ Mejju li ġej wara l-aħħar partita tagħhom kontra San Ġiljan Saints.
Referee kien Paul Apap.
F’partita oħra, Balluta Barracudas FC u San Ġiljan Saints spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
San Ġiljan marru 2-0 minn fuq fl-ewwel taqsima b’gowls ta’ Ionut Popescu Ionut u Julien Muller, iżda Balluta wieġbu fit-tieni taqsima permezz ta’ Timmy Naudi u Andrea Lorefice.
Ir-referee kien Ray Tabone.
Fit-Tieni Diviżjoni, Birżebbuġa St Peter’s AFC ġew promossi għall-Ewwel Diviżjoni flimkien ma’ Attard Edex Kings. Huma għelbu lil Mqabba Albions 3-1. Il-logħba ġiet abbandunata wara tmiem l-ewwel taqsima wara xi battibekki li nqalgħu.
Ronnie Celeste skorja darbtejn filwaqt li Oussama Boutayeb żied ieħor għal Birżebbuġa. Gildave Brignone skorja l-uniku gowl għal Mqabba.
Referee kien Jean Pierre Sammut.
Swieqi United AFC kisbu rebħa kbira ta’ 5-0 fuq Naxxar Victorians, b’Federico Della Gatta jiskorja doppjetta filwaqt li Philippe Gla Henri, Sebral Dos Santos Leonardo u Suhail Manthrammal li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Ir-referee kien Lorry Sammut.
Attard Edex Kings AFC għelbu lil Hamrun Sporting 3-2. Johan Andrey Rodriguez Gutierrez skorja doppjetta filwaqt li Nestor Luis Silva wkoll niżżel ismu fost l-iskorers. Daniel Aghen u Junior Ohalewe irrispondew għall-Ħamruniżi.
Referee kien Gordon Barbara. ,
Finalment, Gudja Wanderers rebħu 3-0 kontra Ta’ Ġiorni Wanderers b’hat-trick ta’ Brandon Nieto u gowl ieħor ta’ Jimenez Guevara.
Referee kien Miguel Francica.


