Thursday, April 18, 2024

Għexieren ta’ eluf ta’ persuni mitluba jevakwaw ġewwa Sydney

Aqra wkoll

Għexieren ta’ eluf ta’ residenti ġew mitluba biex jevakwaw – jew ikunu preparati biex jevakwaw – djarhom ġewwa Sydney u dan hekk kif xita torrenzjali u għargħar qed jolqtu lil din it-tieni l-ikbar belt Awstraljana.

Kawża tax-xita qalila­ għadd ta’ toroq spiċċaw mgħ­ar­rqa u ma jistgħux jintużaw filwaqt li ġewwa l-Punent ta’ Sydney biss kien hemm xejn inqas minn 18-il ordni ta’ evakwazzjoni. Stephanie Cooke, li hija l-Ministru għas-Servizzi tal-Emerġenza u r-Reżiljenza ġewwa l-Istat ta’ New South Wales, iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala “waħda ta’ theddida għall-ħajja”. 

Cooke qalet li kawża ta’ dan it-temp estrem, Sydney qiegħda tiffaċċja periklu minn għadd ta’ fronti fosthom għargħar kawża ta’ xita qalila, għargħar kawża ta’ xmajjar li jfuru kif ukoll erożjoni tal-kosta. 

Skont il-Bureau of Meterorology ċertu żoni ta’ Sydney s’issa nħakmu minn xejn inqas minn 350mm ta’ xita fejn dan ħoloq riskju kbir li x-Xmara Nepean tfur. Ta’ tħassib ukoll huwa li hemm il-possibbiltà li anke d-diga ewlenija tibda tfur – ħaġa li hija inkwetanti ħafna. L-uffiċjali qalu li din is-sitwazzjoni qiegħda tevolvi b’mod mgħaġġel ħafna u għalhekk iċ-ċittadini ġew mgħarrfa biex ikunu ppreparati li jevakwaw anke f’ħin qasir.  

Din l-istess żona kienet intlaqtet ukoll minn għargħar qawwi f’Marzu li għadda meta dakinhar 20 persuna kienu tilfu ħajjithom. 

Ekonomija

Sport