Saturday, December 21, 2024

Għomor il-ħabs għal Bojan Cmelik

Aqra wkoll

9:00 p.m: Wara li Bojan Cmelik instab ħati bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti, fl-aħħar ħin huwa ġie kkundannat għomru l-ħabs.

7:15 p.m: Jinstab ħati bil-qtil ta’ Chetcuti

Wara sitt sigħat ta’ deliberazzjoni il-ġurati ħarġu bil-verdett finali tagħhom.

B’verdett ta’ tmien voti favur u kontra wieħed, Bojan Cmelik instab ħati li qatel lill-imprenditur Hugo Chetcuti.

Intant is-sentenza kontra l-istess Cmelik mistennija tingħata fis-sigħat li ġejjin.

1:30 p.m: Il-ġurati jidħlu jiddeliberaw

Il-ġurati daħlu jiddeliberaw fil-ġuri dwar ta’ Bojan Cmelik ta’ 39 sena li jinsab akkużat bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti. Dan id-delitt seħħ f’Lulju tal-2018.

Aktar qabel, l-Imħallef Aaron Bugeja fl-indirizz tiegħu lill-ġurati qalilhom li t-tobba li xehdu u li ma nħatrux bħala esperti tal-qorti kienu “xhieda ordinarji” u għalhekk ma jistgħux jagħtu l-opinjoni tagħhom. “Jekk jesprimu opinjoni, il-ġurati għandhom jinjorawha,” qal l-Imħallef.

Min-naħa l-oħra, kompla jgħid l-Imħallef, xhieda tal-esperti maħtura mill-Qorti bħal Dr Mario Scerri u Dr Marisa Cassar huma intitolati bil-liġi u tabilħaqq mistennija jagħti l-opinjoni esperta tagħhom dwar il-kwistjonijiet.

“Intom il-ġurati, l-Imħallfin tal-fatt. Evalwaw dak li nġieb quddiemkom, xejn aktar u xejn inqas,” qal l-Imħallef Bugeja.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Cmelik qed ikun assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Simon Micallef Stafrace.

L-Avukat Joe Giglio u Mario Spiteri qed jidhru għall-familja Chetcuti.

Ekonomija

Sport