Ġnien il-Gardjola se jingħata ħajja ġdida permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni

Aqra wkoll

Ġnien il-Gardjola fl-Isla se jkun qiegħed jingħata ħajja ġdida permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni b’investiment ta’ madwar €400,000 mill-Gvern, bil-għan li dan l-ispazju storiku jiġi mġedded u adattat aħjar għall-ħtiġijiet tal-komunità tal-lum, filwaqt li jinżamm il-karattru storiku u ambjentali tiegħu.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt, u s-Sindku tal-Isla, Clive Pulis.

Il-proġett, li se jitwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, huwa intiż li jindirizza l-ħtiġijiet u jsaħħaħ is-sigurtà u l-aċċessibbiltà ta’ dan il-ġnien li jżuruh kuljum għadd sostanzjali ta’ Maltin kif ukoll għadd ta’ turisti minħabba l-veduta unika tal-Port il-Kbir.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet li dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-lokalitajiet Maltin, billi jtejjeb l-ispazji pubbliċi u jagħmilhom aktar attraenti, siguri u aċċessibbli għall-komunitajiet li jużawhom.

Il-Ministru spjegat li dan il-proġett huwa parti minn investiment dirett li qed jagħmel id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi mal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta. Hawn irreferiet ukoll għall-Budget 2027, li jkompli jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-Kunsilli Lokali, fejn hemm allokat is-somma ta’ €39 miljun. Dan apparti diversi skemi oħra li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-Kunsilli Lokali għall-ġid tar-residenti.

“Permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, qed inkomplu nwasslu investiment dirett fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, biex niżguraw li l-ispazji pubbliċi tagħna mhux biss jinżammu, iżda jiġu riġenerati u adattati għall-ħtiġijiet tan-nies,” qalet il-Ministru. Hija kompliet tgħid li l-Gvern jibqa’ kommess li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja f’kull lokalità, b’investimenti konkreti li jirrispettaw l-identità u l-wirt ta’ kull post, filwaqt li joħolqu ambjent aħjar għar-residenti u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità, il-Perit Nadia Gatt, spjegat li l-proġett tfassal bil-għan li jindirizza l-ħtiġijiet konkreti tal-ġnien permezz ta’ interventi mmirati u mfassla b’attenzjoni, li jtejbu l-infrastruttura, is-sigurtà u l-aċċessibbiltà, filwaqt li jħarsu l-karattru storiku u l-valur ambjentali ta’ dan l-ispazju.

Is-Sindku tal-Isla, Clive Pulis, irringrazzja lill-Ministeru u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-investiment u l-kollaborazzjoni sabiex dan il-proġett ikun jista’ jsir, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li Ġnien il-Gardjola jibqa’ spazju pubbliku li jservi lill-komunità u li jkompli jsaħħaħ l-identità storika tal-Isla.

Fost ix-xogħlijiet ippjanati hemm it-tibdil tal-kerbs u tal-planters eżistenti, bl-installazzjoni ta’ planters ġodda b’postijiet fejn wieħed jista’ jpoġġi. Se jinbidel ukoll il-pavimentar, filwaqt li se tiġi installata sistema ta’ dawl adegwata u se tittejjeb is-sistema ta’ CCTV sabiex jissaħħu s-sigurtà u l-viżibbiltà. Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċessibbiltà permezz ta’ daħliet u passaġġi aktar xierqa għal kulħadd. F’dan il-proċess l-ebda siġra mhi se titneħħa.

Dan l-investiment se jwassal għat-tiġdid tal-ġnien filwaqt li jinżamm il-karattru storiku u ambjentali tiegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport