Sunday, May 5, 2024

GO Tappoġġja lill-EV Racing Team tal-Università ta’ Malta

UoM Racing Team Se Jikkompeti fl-Italja b’Vettura Elettrika

Aqra wkoll

GO għadha kemm ippreżentat sponsorship ta’ €3000 lil UM Racing, team ta’ studenti mill-Università ta’ Malta magħmul minn madwar 25 student li bħalissa qed jibnu l-ewwel vettura ta’ tlielaq imħaddma bl-elettriku sabiex tikkompeti fl-Italja fl-2024.

UM Racing huwa proġett ta’ riċerka li beda fl-2012 li jlaqqa’ flimkien studenti Universitarji minn fakultajiet differenti li qed jikkollaboraw u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom biex jibnu vettura unika li tikkompeti fil-kompetizzjonijiet ‘Formula Student’. 

Bħala l-uniku tim Formula Student f’Malta, UM Racing jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet ta’ Formula Student internazzjonali tant li fl-aħħar kompetizzjoni li kienet saret f’Silverstone fir-Renju Unit fl-2022 UM Racing kellhom l-aqwa prestazzjoni sa llum fejn kisbu t-tielet post minn fost 110 tim.

“Ħassejna li kien wasal iż-żmien li nieħdu dan il-proġett għal-livell li jmiss u minħabba t-titjib li sar fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ta’ dawn il-vetturi elettriċi, iddeċidejna li nibdew niffukaw għall-ewwel darba fuq karozza tat-tlielaq elettrika,” jispjega Shaun Abela, President tal-UM Racing.

“Id-disinn ta’ din il-karozza ġdida għat-tlielaq fil-fatt, se jkun ibbażat fuq mutur Emrax 228 li għandu saħħa ta’ iżjed minn 100 horsepower u peress li ħafna mit-trakki tal-Formula Student huma qosra u dojoq, hemm bżonn ta’ aċċelerazzjoni b’saħħitha, xi ħaġa li għandha tinkiseb aktar faċilment b’torque ta’ mutur EV,” żied jgħid.

“L-eċċitament madwar l-innovazzjoni ta’ dan il-proġett mill-ewwel ġibed l-interess tagħna biex nappoġġjaw lill-UM Racing għax bħala kumpanija mmexxija minn spirtu innovattiv, sibna rabta kbira magħhom fuq ħafna livelli. Fil-fatt, bħala kumpanija, dejjem infittxu li nappoġġaw inizjattivi li jaqblu ma’ l-istrateġija tagħna li hija bbażata fuq l-edukazzjoni, l-eċċellenza diġitali, il-konnettività u s-sostenibbiltà ambjentali,” spjegat Mandy Calleja, Kap tal-Komunikazzjoni ta’ GO.

“Il-fatt li dan il-proġett jinvolvi tagħlim b’mod innovattiv permezz ta’ l-applikazzjoni xjentifika, ilaqqa’ t-teknoloġija ma’ l-edukazzjoni u jfittex riżultat sostenibbli permezz tat-teamwork u l-kollaborazzjoni, qabel b’mod sħiħ mal-valuri tagħna. Issa ħerqana sabiex insegwu din lit-tim f’din l-avventura u nixtiequlhom kull suċċess.”

Sport