Tuesday, April 30, 2024

“Min jaf fejn konna nispiċċaw mingħajru?!”

Bosta persuni li ħarġu mill-vizzju tad-droga jispjegaw dwar l-imħabba ta' Monsinjur Victor Grech

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jiena personali u l-familja tiegħi ma nistgħux ma nirringrazzjawhx. Min jaf x’kien jiġri minn nies bħali li ma kienx għall-Caritas”, “Dun Victor Grech raġel kbir. Fil-gradwazzjoni għannaqni b’dik it-tgħanniqa kbira… raġel kbir”, “L-ewwel ma kellimt lilu jiena biex nidħol il-programm. Inħobbu wisq għax ra xaqq ta’ dawl fija u reġa’ tani ċ-ċans”, “Il-bambin tagħna rigal bih u m’hemmx iżjed xi rridu. Bid-dmugħ f’għajnejh jgħidlek li nħobbok” u “Il-Mons huwa d-daddy tagħna”. Dawn huma wħud mill-esperjenzi ta’ persuni li llum fil-Maratona ġbir ta’ fondi qegħdin ifakkru l-vjaġġ tagħhom li beda fi żmien meta kienu fin-niżla sal-lum li ilhom snin ma jfittxux id-droga jew kif isibuhom huma nfushom bħala clean.

Hekk kif għaddejjin it-telefonati u donazzjonijiet oħra, ma setax jonqos li dawn in-nies ifaħħru bla qies il-fundatur ta’ dan kollu. Dun Victor Grech għalaq 94 sena ftit tal-jiem ilu u huwa l-pedament tal-Caritas. 

Dawn il-persuni tkellmu dwar kif il-Caritas għenithom jegħlbu l-vizzju u jagħrfu fuq kollox iħobbu lilhom infushom. Minn hemm jibda l-vjaġġ biex jibdew jirrispettaw lil ta’ madwarhom u llum ħafna minnhom jistgħu jitkellmu dwar il-familja li bnew. Minn missier fi stat fejn bintu kienet tmur fuq ommha tgħidilha biex tagħtih l-flus għad-droga tant kemm kien ħażin, għal ieħor li bis-saħħa tal-Caritas huwa bniedem ġdid li se jkun qiegħed jattendi għall-gradwazzjoni tagħha bħala raġel li ilu aktar minn seba’ snin nadif mid-droga. 

Raġel ieħor li minn xifer il-mewt għax dik li llum hi martu sabitu fi stat ta’ Overdose, għal bniedem li llum kapaċi jirrispettaha u jfaħħar il-ġesti sbieħ li tagħmel miegħu u ma’ wliedhom. Dawn huma biss ftit minn dak kollu li hi l-Caritas. 

Fost dawk preżenti waqt il-Maratona JIMPURTANI hemm saħansitra omm li tilfet lil binha bid-droga, iżda qiegħda preżenti biex jekk jista’ jkun l-ebda omm ma tgħaddi mill-agunija li għaddiet minnha hi.

Inti bid-donazzjoni tiegħek tista’ tgħin aktar persuni “jibdew mill-ġdid”.

Tista’ tagħti d-donazzjoni tiegħek fuq:

 51802032 – €25

 5190 2089 – €50

BOV Mobile: 79011655

Metodi ohra: https://www.caritasmalta.org/donate/

Sport