Thursday, April 18, 2024

Goal f’kull taqsima jitfgħu lill-Olanda mal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Olanda…………….2

Qatar……………….0

Draw kien biżżejjed għall-Olanda biex jiksbu post mal-aħħar 16, iżda huma kisbu rebħa meta għebu lil Qatar bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, biex temmew Grupp A fil-quċċata tal-klassifika b’seba’ punti.

Kienu l-Olanda li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta Frenkie de Jong kellu xutt minn tarf il-kaxxa li ġie mblukkat minn Davy Klaassen bil-ballun jintemm għand Memphis Depay li mill-viċin tefa’ inkreddibilment għoli.

Huma komplew fuq l-offensiva u fis-26 minuta fetħu l-iskor meta Davy Klaassen xellef il-ballun lejn Cody Gakpo li għalkemm issikkat minn tliet players avversarji, irnexxielu jitfa’ l-ballun fix-xibka, biex irnexxielu jiskorja għall-Oranje għat-tielet partita konsekuttiva.

Fid-49 minuta, l-Olanda rduppjaw l-iskor meta l-ewwel Memphis Depay kellu xutt mill-viċin salvat parzjalment mill-goalkeeper tal-Qatar, Meshual Barsha, biex mir-rebound Frenkie De Jong kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u minn taħt il-lasta tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

Il-Qatar ħolqu attakk remot fit-80 minuta meta l-goalkeeper Olandiż, Andries Noppert, evita li Muntari jagħmel kuntatt mal-ballun wara cross mix-xellug billi interċetta tajjeb.

Olanda: Andries Noppert, Jurrien Timber, Virgil van Dijk, Nathan Ake, Denzel Dumfries, Marten de Roon (Teun Koopmeiners 82), Frenkie de Jong (Kenneth Taylor 86), Daley Blind, Davy Klaassen (Steven Berghuis 66), Cody Gakpo (Wout Weghorst 82), Memphis Depay (Vincent Janssen 66) Coach: Louis van Gaal

Qatar: Meshael Barsham, Ismaeel Mohammad (M. Khoder 85), Pedro Miguel Deus Correia, Boualem Khoukhi, Abdelkarim Hassan, Homam Ahmed, Hassan Al-Haydos (Ali Assadalla 64), Assim Madibo (Karim Boudiaf 64), Abdulaziz Hatem (Ahmed Alaaeldin 85), Ali Almoez (Mohammed Muntari 64), Akram Afif Coach: Felix Sanchez Bas

Referee: Bakary Gassama (Gambia)

Ammoniti: N. Ake (O)

Ekonomija

Sport