Sunday, July 26, 2026
Home Fehmietna Grazzi lill-ħaddiema tal-Enemalta

Grazzi lill-ħaddiema tal-Enemalta

0
10

F’temperaturi qawwijin u bi sħana kbira għal sigħat sħaħ, lejl u nhar  ħaddiema tal-Enemalta f’diversi żoni f’Malta kienu għaddejjin b’ħidma qawwija u ma taqta xejn biex jissewwew ħsarat li inqalgħu f’diversi żoni madwar Malta. Ħaddiema li kellhom jaħdmu kontra l-elementi naturali b’mod partikolari is-sħana qawwija. Ħidma karatterizzata minn sagrifiċċji mill-istess ħaddiema f’ħidma delikata għall-aħħar.

Wieħed jifhem li kull qtugħ fil-provvista tal-elettriku iġib ħafna ilmeni u joħloq konwegwenzi negattivi. Jekk dak l-istess qtugħ fil-provvista idum għal diversi sigħat kif ġara, l-ilmenti u l-konsegwenzi negattivi se jkunu akbar.  Hi xena ta’ qsim il-qalb tara familji jarmu l-ikel li kellhom maħżun fil-freezers, l-istess kif hi iebsa tara ħwienet magħluqa minħabba li l-provvista tal-elettriku tkun inqatgħet.  Mill-banda l-oħra li din issir ballun politiku u jkun hemm min jipprova jirkeb fuqha għal gwadann, żgur li mhux se tgħin biex tinġab lura il-provvista u sitwazzjoni simili joħolqu tensjoni u ansjetà.

Hi ħasra li waqt li smajna ilmenti u tgergir minħabba l-qtugħ fil-provvista, smajna ħafna inqas min jitkellem u jfaħħar l-isforz li kienu għaddejjin bih il-ħaddiema tal-Enemalta. Sforzi intiżi biex il-familji u n-negozji ikollom il-provvista tal-elettriku. Smajna saħansitra min tkellem b’mod dispreġjattiv fuq il-kapaċitajiet tal-ħaddiema tal-Enemalta. Dikjarazzjoni żbaljati, u insensittivi għal aħħar.  

Qegħdin ngħidu dan għax nafu li dawn il-ħaddiema ħadmu sigħat sħaħ, bogħod mill-familjari tagħhom fi sħanat qawwija speċjalment matul il-ġurnata. 

Dak li seħħ f’pajjiżna mhux uniku. L-istess fenomenu ta’ qtugħ ta’ dawl qegħdin jesperjenzawh għadd ta’ pajjiżi oħra madwar il-Mediterran fosthom l-Italja, Spanja u Ċipru.

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax li d-domanda qawwija li kien hemm għall-elettriku kawża tas-sħana fejn proprju fl-aħħar jiem ġiet reġistrata domanda rekord.

Quddiem dan it-triq ‘lquddiem għandha tkun dik li l-pajjiż jitratta sitwazzjoni bħal dawn għall-futur u jkompli bl-investimenti li kienu għaddejjin biex titjieb id-distribuzzjoni. Ma nistgħux imma bħal poplu ma nirrimarkax li anke l-poplu irid jara li jagħmel parti tiegħu.  Dan billi jara li jnaqqas il-ħela fil-konsum.  Ammont ta’ enerġija ikkunsmati li kienu rekord jixhdu l-ammont kbir ta’ enerġija li qegħdin nikkunsmaw u dan f’mewġiet ta’ sħana joħloq problemi mhux żgħar fuq is-sistema tal-elettriku.

Hi ħasra li hawn min donnu qiegħed jgħid li għandhom jogħlew il-kontijiet tal-enerġija. Nemmnu li l-kontijiet għandhom jibqgħu irħas kif inhuma. Għandna nirreżistu kull pressjoni minn Malta u minn barra biex dawn jogħlew. Hu biss b’kontijiet irħas li l-enerġija tkun aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd b’mod partikolari dawk fil-faxxa t’isfel nett.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here